Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Il-pandemija kixfet is-sitwazzjoni diffiċli tal-foqra u n-nuqqas kbir ta’ ugwaljanza li jsaltan fid-dinja. U l-virus, waqt li ma jagħmilx differenza bejn il-persuni, tul il-mixja qerrieda tiegħu sab nuqqasijiet kbar ta’ ugwaljanza u diskriminazzjonijiet kbar. U kompla żiedhom!
Allura t-tweġiba għall-pandemija hi doppja. Minn banda, huwa indispensabbli nsibu l-kura għal virus żgħir imma tremend, li niżżel għarkupptejha lid-dinja kollha. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ nikkuraw virus kbir, dak tal-inġustizzja soċjali, tan-nuqqas ta’ ugwaljanza fl-opportunitajiet, tal-ermaġinazzjoni u tan-nuqqas ta’ protezzjoni tal-iżjed dgħajfa. F’din it-tweġiba doppja ta’ fejqan hemm għażla li, skont il-Vanġelu, ma tistax tonqos: l-għażla preferenzjali tal-foqra (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 195). U din mhijiex xi għażla politika; lanqas għażla ideoloġika, għażla ta’ partiti. L-għażla preferenzjali għall-fqora hi fil-qalba tal-Vanġelu. U l-ewwel li għamilha kien Ġesù; dan smajnieh fis-silta tal-Ittra lill-Korintin li nqrat fil-bidu. Hu, li kien għani, ftaqar biex nistagħnu aħna. Sar wieħed minna u għalhekk, fil-qalba tal-Vanġelu, fil-qalba tat-tħabbira ta’ Ġesù hemm din l-għażla.
Kristu nnifsu, li hu Alla, tneżża’, u sar jixbah lill-bnedmin; u ma għażilx ħajja ta’ privileġġ, imma għażel il-qagħda ta’ lsir (ara Fil 2:6-7). Sar xejn billi sar qaddej. Twieled f’familja umli u kien ħaddiem tal-id. Fil-bidu tal-predikazzjoni tiegħu ħabbar li fis-Saltna ta’ Alla l-foqra huma henjin (ara Mt 5:3; Lq 6:20; EG, 197). Kien qalb il-morda, il-foqra, l-imwarrbin, u wriehom l-imħabba ħanina ta’ Alla (ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2444). U tant drabi għaddewh ta’ bniedem impur għax kien imur għand il-morda, l-imġiddmin, li skont il-liġi ta’ dak iż-żmien kienu impuri. U hu rriskja biex ikun qrib tal-foqra.
Għalhekk, id-dixxipli ta’ Ġesù jintgħarfu minn kemm huma qrib tal-foqra, taċ-ċkejknin, tal-morda u tal-ħabsin, tal-imwarrbin, tal-minsija, ta’ min hu mċaħħad mill-ikel u mill-ħwejjeġ (ara Mt 25:31-36; KKK, 2443). Nistgħu naqraw dak il-kejl famuż li fuqu se jsir ħaqq minna lkoll, se niġu ġġudikati kollha. Huwa Mattew, kapitlu 25. Dan hu kriterju-muftieħ ta’ awtentiċità Nisranija (ara Gal 2:10; EG, 195). Xi wħud jaħsbu, b’mod żbaljat, li din l-imħabba preferenzjali għall-foqra hija l-ħidma tal-ftit, imma fir-realtà hija l-missjoni tal-Knisja kollha, kien jgħid San Ġwanni Pawlu II (ara San Ġwanni Pawlu II, Enċiklika Sollicitudo rei socialis, 42). “Kull Nisrani u kull komunità huma msejħa jkunu għodda f’idejn Alla għall-ħelsien u l-promozzjoni tal-foqra” (EG, 187).
Il-fidi, it-tama u l-imħabba bilfors iwassluna għal din il-preferenza għal dawk l-iżjed fil-bżonn,[1] li tmur lil hemm mill-għajnuna meħtieġa (ara EG, 198). Fil-fatt timplika li nimxu flimkien, li nħalluhom jevanġelizzawna, huma li jafu tajjeb lil Kristu li jbati, li “niddakkru” mill-esperjenza tagħhom ta’ salvazzjoni, mill-għerf tagħhom u mill-kreattività tagħhom (ara ibid.). Naqsmu mal-foqra jfisser nistagħnu kemm aħna u kemm huma. U, jekk hemm strutturi soċjali morda li qed iżommuna milli noħolmu għall-futur, jeħtieġ naħdmu flimkien biex infejquhom, biex nibdluhom (ara ibid., 195). U għal dan twassal l-imħabba ta’ Kristu, li ħabbna għall-aħħar (ara Ġw 13:1), u tasal sat-trufijiet tal-art, sal-periferiji, sal-fruntieri eżistenzjali. Inqiegħdu l-periferiji fiċ-ċentru jfisser niċċentraw ħajjitna fi Kristu, li “ftaqar” għalina, biex jagħnina “bil-faqar tiegħu” (2 Kor 8:9).[2]
Ilkoll aħna mħassbin minħabba l-konsegwenzi soċjali tal-pandemija. Ilkoll kemm aħna. Ħafna jridu jerġgħu lura għan-normalità u jerġgħu jaqbdu l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. Bla dubju, imma din in-“normalità” m’għandhiex tinkludi l-inġustizzji soċjali u l-qerda tal-ambjent. Il-pandemija hija kriżi u minn kriżi ma noħorġux l-istess: jew noħorġu aħjar jew noħorġu agħar. Aħna rridu noħorġu aħjar, biex inneħħu l-inġustizzji soċjali u l-qerda ambjentali. Illum għandna okkażjoni f’idejna biex nibnu xi ħaġa differenti. Ngħidu aħna, nistgħu ngħinu biex tikber ekonomija ta’ żvilupp integrali tal-foqra u mhux ta’ assistenzjaliżmu. B’dan jien ma rridx nikkundanna l-għajnuna li tingħata, l-opri ta’ assistenza huma importanti. Naħsbu fil-volontarjat, li hu waħda mill-isbaħ strutturi li għandha l-Knisja Taljana. Imma rridu mmorru lil hemm minn hekk u nsolvu l-problemi li qed iwassluna biex nagħtu assistenza. Ekonomija li ma tirrikorrix għal rimedji li fir-realtà javvelenaw is-soċjetà, bħalma hu l-ħolqien ta’ postijiet ta’ xogħol li ma jkunx dinjituż (ara EG, 204). Dawn it-tip ta’ profitti huma maqtugħa mill-ekonomija reali, dik li minnha suppost igawdu n-nies komuni (ara Enċiklika Laudato si’, 109), u fuq kollox hi indifferenti għad-danni li jsiru fuq id-dar komuni tagħna. L-għażla preferenzjali tal-foqra, din l-esiġenza etika-soċjali li ġejja mill-imħabba ta’ Alla (ara LS, 158), tħeġġiġna biex naħsbu ħalli nfasslu ekonomija fejn il-persuni, u fuq kollox l-iktar foqra, ikunu fiċ-ċentru. U tinkuraġġina wkoll biex infasslu l-kura tal-virus billi nagħtu preferenza lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha. Tkun ħaġa ta’ swied il-qalb jekk fil-vaċċin għall-Covid-19 tingħata prijorità lill-aktar sinjuri! Tkun ħaġa ta’ swied il-qalb jekk dan il-vaċċin isir proprjetà ta’ dan jew dak il-pajjiż u ma jkunx universali u għal kulħadd. U xi skandlu jkun jekk l-assistenza ekonomika kollha li qed nosservaw – il-parti l-kbira bi flus tal-pubbliku – tikkonċentra biex issalva industriji li mhumiex jikkontribwixxu b’risq l-inklużjoni tal-imwarrbin, il-promozzjoni tal-foqra, il-ġid komuni jew l-għożża tal-ħolqien (ibid.). Huma kriterji biex nagħżlu liema se jkunu l-industriji li ngħinu: dawk li jikkontribwixxu għall-inklużjoni tal-imwarrba, għall-promozzjoni tal-foqra, għall-ġid komuni u għall-għożża tal-ħolqien. Erba’ kriterji.
Jekk il-virus kellu jerġa’ jintensifika ruħu mill-ġdid f’dinja inġusta għall-foqra u għall-iżjed vulnerabbli, jeħtieġ nibdlu din id-dinja. Fuq l-eżempju ta’ Ġesù, it-tabib tal-imħabba divina sħiħa, jiġifieri tal-fejqan fiżiku, soċjali u spiritwali (ara Ġw 5:6-9) – kif kien il-fejqan li kien jagħti Ġesù –, jeħtieġ naġixxu issa, biex infejqu l-epidemiji pprovokati mill-virus żgħar inviżibbli, u biex infejqu dawk ipprovokati mill-inġustizzji soċjali kbar u viżibbli. Nipproponi li dan isir billi nibdew mill-imħabba ta’ Alla, inqiegħdu l-periferiji fiċ-ċentru u l-aħħar nies fl-ewwel post. Ma ninsewx dak il-kejl li fuqu sa niġu ġġudikati, Mattew, kapitlu 25. Inqegħduh fil-prattika f’dan il-qawmien ġdid tal-epidemija. U jekk nibdew minn din l-imħabba konkreta, ankrata fit-tama u mwaqqfa fuq il-fidi, dinja iżjed sana tkun possibbli. Jekk ma nagħmlux hekk, mill-kriżi noħorġu agħar. Ħa jgħinna l-Mulej, ħa jagħtina l-qawwa biex noħorġu aħjar, billi nwieġbu għall-ħtiġijiet tad-dinja tal-lum.
maqluba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard