L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Il-ġimgħa li għaddiet smajna lil Ġesù jsejjaħ lil Pietru ‘blata’, il-blata tal-fidi ta’ Pietru li Ġesù jibni fuqha l-Knisja tiegħu. Illum Ġesù jsejjaħlu tfixkil u juża’ l-kelma skandlu. Il-filmat bħalissa qed iġibilna blata li fuqha mibnija dil-knisja ta’ Santa Marija Maddalena imma wkoll qed iġibilna blata fil-ħamrija li fil-passaġġ tista’ tfixklek u li bil-Grieg insejħulha scandalon, skandlu.

X’ġara? Ġesù beda jkellem lid-dixxipli tiegħu fuq il-ħtieġa li hu, għax irid jobdi lill-Missieru, jilqa’ l-vjolenza, l-aggressjoni u l-mewt minn min ma jridx jilqgħu. Mhuwiex messija li se jimponi lilu nnifsu bil-vjolenza imma se jsofriha għal dawk li ma jridux jilqgħu l-Kelma.

Pietru, imqanqal bl-ammirazzjoni u bl-imħabba tiegħu lejn il-Mulej — infatti jgħidlu ‘Mulej’ — u bil-fatt ukoll li bħala Lhudi għalih il-Messija li kien diġà ħabbru mnebbah mill-Missier, ma kienx ikun xi ħadd li se jsofri, imma se jirbah dejjem. Allura jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi mingħalik” (Mt 16:22).

U Ġesù, li marbut mar-rieda ta’ Missieru, u li qed jifhem u jara li biex juri l-imħabba tiegħu jrid jilqa’ wkoll fl-istonku tiegħu d-daqqiet li se nagħtuh, għax ma rridux li jħobbna, jgħidlu: “Inti ta’ tfixkil għalija” (Mt 16: 23). Lil Pietru jgħidlu xi ħaġa li se jgħidha lil kull wieħed u waħda minna. Jekk jogħġbok erġa’ lura wara, jien immexxi. Meta jgħidlu “Itlaq minn quddiemi” (Mt 16:23) ma jfissirx biex Pietru jisparixxi, iżda li Ġesù huwa l-mexxej u hu se jmexxi, u Pietru joqgħod wara. Ġesù se jmexxi billi jobdi lil Alla l-Missier, li huwa mħabba, u li peress li ħalaqna liberi, jaf ukoll li fil-kont se jkun hemm ir-rifjut tagħna.

… is-salib huwa li tipprova tkun leali lejn Ġesù u tobdih.

Kull min irid jimxi wara Ġesù jrid ukoll jaċċetta dan is-salib. Ħafna drabi s-salib inqisuh biss il-mard jew il-paċenzja li rridu nieħdu, imma fil-fatt, is-salib huwa li tipprova tkun leali lejn Ġesù u tobdih. Se jkun min ikasbrek, min iwaqqgħek għaċ-ċajt, min jgħid kemm li inti baħnan u li qed taħli ħajtek tagħmel is-sewwa għax jekk għandek okkażjoni tisraq il-proxxmu, isolħu u mhux tkun onest. Jekk titlef sold għax inti onest, qed terfa’ salibek.

L-aħwa, ħuti, “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, jiċħad lilu nnifsu” (Mt 16:24). Imma niċħad min jien? Le, ma nistax niċħad min jien; jien li ħalaqni Alla u fija ra kulma hu tajjeb, jien min jien,  jien kif jien. Imma hemm aspetti li għandi bżonn niċħad: ir-rabja u r-rebgħa tiegħi, il-fatt li kull meta nħares lejn persuna naħseb biss fil-vantaġġi għalija jew fil-pjaċir tiegħi. Hemm aspetti li hemm bżonn niċħad biex ngħix ta’ nies. Dak li qed jitlob minni Ġesù.

X’jiġifieri titlef ħajtek? Ġesù ħin minnhom jgħid: “Min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha” (Mt 16:25). Diffiċli tifhimha din. Imma x’jiġifieri jekk inti ssalva titlifha, imma jekk titlifha ssalva?

F’dik id-disponibbiltà għall-oħrajn, f’dik il-kapaċità li naqsam li għandi … insib ħajti.

Seklu ilu kien hemm ħassieb, il-poeta Franċiż Charles Pierre Péguy, li miet ta’ età zgħira fl-1914 għaliex kellu jmur għall-gwerra u wara ftit xhur sparawlu tir ġo moħħu. Imma Péguy laħaq kiteb ħafna affarijiet sbieħ. Fl-1908, wara żmien ma jemminx f’Alla u jkasbar dak kollu li hu għażiż għalina, reġa’ skopra l-fidi f’Ġesù. Kiteb ħsibijiet profondi. Ħin minnhom jitkellem fuq din il-Kelma ta’ Ġesù, u jgħid li jekk trid issalva ħajtek ma tridtx tqisha kif issalva teżor. Min isib teżor iżommu għalih, anzi ma jgħidx fejn qiegħed għax malajr jiġu u jisirquh. Imma jgħid Peguy jgħid li trid issalva ħajtek billi titlifha, billi ċċediha, billi taqsamha mall-oħrajn.

Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna, it-teżor għażiż li għandna tal-ħajja, minflok inżommuh għalina u hekk nitilfuh, naqsmuh mal-oħrajn, inċeduh. F’dik id-disponibbiltà għall-oħrajn, f’dik il-kapaċità li naqsam li għandi, it-talenti li għandi, u l-imħabbiet tiegħi mal-oħrajn, insib ħajti. Li nitlef ħajti u nsibha!

Min hu ġenitur u għandu l-grazzja li fi ħdanu ħaddan il-frott ta’ mħabbtu, jaf x’jiġifieri titlef ħajtek biex issibha. Kemm hi ħaġa sabiħa wkoll min jagħti ħajtu. Magħna llum għandna Salesjan. Fr Fabio, bħal tant Salesjani oħra, ta ħajtu biex iż-żgħażagħ jiltaqgħu ma’ Ġesù, ta ħajtu imma sabha. U miegħu sabuha ħafna oħrajn. Hekk ukoll il-vokazzjoni tar-reliġjużi, tas-saċerodożju imma anke tal-Insara. Li tagħti ħajtek mhijiex li titlifha imma li ssibha. Għaliex Ġesù jgħid ukoll li l-ħabba tal-qamħ, “jekk ma taqax u tmut, tibqa’ weħidha imma jekk taqa’ u tmut tagħmel ħafna frott”.

Ejjew nitolbu ’l Mulej Ġesù l-grazzja li ma nibżgħux naqsmu ħajjitna mal-oħrajn, u nitilfuha. Nieqaf b’dan il-ħsieb ta’ Charles Péguy: “Aħna ma nistgħux insalvaw jekk mhux flimkien. Waħdi ma teżistix is-salvazzjoni ta’ waħdi għaliex jiena rrid niltaqa’ ma’ dak li meta għallimna nitolbu ma qalilniex ngħidu ‘missieri’ qisu xi ħaġa tiegħi, imma Missierna. Aħna nsalvaw flimkien. Ejjew nitilfu ħajjitna biex insibuha, insibuha fl-imħabba u l-għożża ta’ bejnietna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġer 20, 7-9
Salm: 62 (63), 2.3-4.5-6.8-9
Qari II: Rum 12, 1-2
Evanġelju: Mt 16, 21-27