Hija providenzjali li fil-festa tal-Papa qaddis, San Girgor il-Kbir, nisimgħu Evanġelju fejn ifakkarna f’waħda mill-ewwel laqgħat ta’ Xmun Pietru mal-imgħallem, ma’ Ġesù. Huwa l-mument meta Pietru jiskopri li dan ir-rabbi, dan l-imgħallem, għandu qawwa u setgħa anke fuq il-ħlejjaq. Kif jgħid hu stess, bħala sajjied għamel lejl jitħabat biex jaqbad il-ħut (ara Lq 5:5) imma għall-kelma tal-imgħallem żewġ dgħajjes imtlew bil-ħut u kienu għodhom se jegħrqu. Pietru jew Xmun jirrealizza li quddiemu hemm xi ħaġa straordinarja, hemm raġel li huwa qaddis u jħoss lilu nnifsu midneb. Lil Ġesù jgħidlu wara li nxteħet f’riġlejh: “Tbiegħed minni, Mulej, għax jiena raġel midneb” (Lq 5:8).

F’waħda mir-riflessjonijiet sbieħ tal-Papa San Girgor, jgħid li meta sar isqof ta’ Ruma, papa, irrealizza kemm l-inkwiet ta’ kuljum u r-responsabbiltà tat-tmexxija ta’ djoċesi f’belt daqshekk importanti, kienet toħodlu mhux biss enerġija imma anke tisraqlu l-kalma ta’ ruħu u s-sens ta’ talb. Hu beda jirrealizza bid-difetti tiegħu u anke bil-fatt li kuljum kien jgħodd xi żball ġdid. San Girgor jgħid: ‘Jalla l-fatt li jiena nifhem u nagħraf id-dgħufija tiegħi tkun diġà fija nnifisha talba lill-Mulej biex iħenn għalija’.

Fl-aħħar kapitlu ta’ dan il-ktieb sabiħ Ir-Regola Pastorali, San Girgor jgħallem lill-isqof li l-iżjed ħaġa importanti għall-isqof huwa li jitgħallem ikun umli. M’hemmx triq oħra għall-umiltà ħlief li tiftakar fil-ħmerijiet li tkun għamilt jew li tagħmel u li titgħallem ukoll tieħu paċenzja bik innifsek biex ikollok il-qawwa tieħu paċenzja bl-oħrajn.

Is-sentiment ta’ kull min hu ġenwin quddiem Ġesù se jkun dak l-istess li kien ta’ Pietru u ta’ San Girgor: “Tbiegħed minni għax jiena raġel midneb”. Ir-risposta ta’ Ġesù hija dik li se ssalvana: “Tibżax, minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies” (Lq 5:10). Ġesù jaf min aħna, jaf kemm aħna midinbin imma l-kelma tiegħu mhijiex biex jitlaq minn quddiemu, imma “tibżax, se nagħmel minnek xi ħaġa li tiġbed lejja” – mhux lejk innifsek jekk jogħġbok – imma lejn Ġesù “u inti ’l quddiem tkun taqbad in-nies”.

Ejjew nitolbu għalina l-isqfijiet, għas-saċerdoti biex aħna u nifhmu kemm aħna midinbin, ma naqtgħux qalbna mill-ħniena ta’ Alla u nikbru fl-umiltà li biha Alla jista’ jaqdi lill-poplu afdat f’idejna billi jqaddisna bil-ħniena u l-grazzja tiegħu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Kor 3, 18-23
Salm: 23 (24), 1-2.3-4ab.5-6
Evanġelju: Lq 5, 1-11