Nisperaw li tkunu tistgħu tisimgħuni għax ma nistax nagħmel kompetizzjoni ma’ din il-kakofonija li hemm barra. Wegħduna li f’dan il-ħin tal-quddiesa mhux se jkun hemm dan id-daqq u nixtieq nibda din l-omelija b’sinjal tad-diżappunt. Meta tingħata kelma u ma tiġix onorata, hija ħaġa tal-mistħija kbira lejlet il-Milied. Nitlobkom biex lill-Kunsill Lokali tal-Belt u lill-kummerċjanti tgħidulhom, jekk jogħġobkom, u twasslu l-ilment tiegħi. Anke għaliex din ir-realtà li ma nistgħux nagħmlu l-kult tagħna bil-kwiet, fakkritni li qegħdin ngħixu f’dak li qal il-Papa Franġisku: li l-Milied ġie sekwestrat, hijacked mill-kummerċ. Xi ħaġa tal-mistħija, tal-mistħija! Li r-Re tas-Sliem, il-Prinċep tal-Fqar huwa umiljat f’ismu minn min irid jagħmel il-flus.
Imma jiena nixtieq ngħid kelma qasira — biex ma ngħabbikomx b’iżjed storbju — fuq il-figura ta’ San Ġużepp. Qegħdin f’din is-sena ddedikata lil San Ġużepp u li bdejnieha fit-8 ta’ Diċembru. Fl-Evanġelju li l-Knisja tipproponi f’din l-ewwel quddiesa tal-Milied (ara Mk 1:1-22), San Ġużepp għandu rwol essenzjali. Huwa bniedem ġust li meta jirrrealizza li l-għarusa tiegħu hija tqila, ma jiċħadhiex u ma jumiljahiex, imma jiddeċiedi li jsalva lilha u lit-tarbija.
Kemm għandna x’nitgħallmu minn dan ir-raġel! Aħna llum qegħdin hawn niċċelebraw il-Milied għaliex Ġużeppi ddeċieda jsalva lil Marija u lit-tarbija tagħha. Huwa bniedem li kien tant ġust u għaref li kellu sens kbir tad-dinjità tal-ħajja mhux biss ta’ Marija imma anke tat-tarbija li kienet qiegħda ġġorr fil-ġuf.
Ma nistgħux nibqgħu niċċelebraw il-Milied fil-ħolm romantiku tas-sħab imma rridu nifhmu li l-Milied huwa għanja tal-ħajja, għanja tal-ħajja fil-ġuf tal-omm u l-għanja tal-ħajja li titwieled.
Aħna għandna ħafna nies intelliġenti li qed jagħjtu biex l-abort jiġi dekriminalizzat. Dawn ’il quddiem għad ikunu l-avukati tagħna, l-imħallfin u l-politiċi tagħna! Imma jiddispjaċini ngħidlhom: għandkom l-intelliġenza imma m’għandkomx l-għerf. Din mhijiex kwistjoni ta’ reliġjon, hi kwistjoni promordjali tar-rispett tal-ħajja mill-bidu imqaddes tagħha sat-tmiem imqaddes tagħha. Ma nistgħux nibqgħu niċċelebraw il-Milied fil-ħolm romantiku tas-sħab imma rridu nifhmu li l-Milied huwa għanja tal-ħajja, għanja tal-ħajja fil-ġuf tal-omm u l-għanja tal-ħajja li titwieled.
Insellmulek, Ġużeppi, li fit-tjubija tal-qalb ħelwa tiegħek, iddeċidejt issalva lill-omm u b’hekk salvajt ukoll lit-tarbija.
Il-Papa Franġisku, meta jikkunsidra din id-deċiżjoni iebsa ta’ Ġużeppi, jitkellem dwar kuraġġ kreattiv. Jgħid li l-kuraġġ kreattiv ta’ Ġużeppi kien il-miraklu li jmur lil hinn mil-liġi għaliex, kif jispjega l-Papa stess, il-liġi kienet titlob li jidenunċja lill-għarusa tiegħu li kienet tqila minn xi ħaddieħor u setghet kienet imħaġġra. Ġużeppi jmur ’l hinn mil-liġi għaliex l-imħabba tiegħu għal Marija kienet imħabba ta’ vera, kienet imħabba li tfisser ukoll li jafdaha.
Il-Papa jinsisti li aħna wkoll rridu nkunu tassew bħal Ġużeppi li nħarsu lit-tifel u lil ommu. Dan it-tifel, jgħid il-Papa Franġisku, hu dak li għad jgħid: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Hekk kull min hu fil-bżonn, kull fqir, kull batut, kull moribond, kull barrani, kull ħabsi, u kull marid hu t-tifel li Ġużeppi jkompli jieħu ħsieb u jħares.
Għalhekk, San Ġużepp, il-protagonista silenzjuż tan-narattiva tal-Milied, hu msejjaħ bħala protettur tal-imsejknin, ta’ dawk fil-bżonn, tal-eżiljati, tal-maħqurin, tal-foqra, u tal-moribondi. Hu għalhekk ukoll li l-Knisja ma tistax ma tħobbx qabelxejn lil dawk li huma fl-aħħar post għax Ġesù ppreferihom u identifika ruħu magħhom.
Aħna u nibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied f’din is-sena kkumplikata, nitlob li s-soċjetà Maltija, inkluż iż-żgħażagħ tagħha, tibqa’ tgħożż l-omm u t-tifel jew it-tifla fil-ġuf.
Minn Ġużeppi rridu nitgħallmu l-istess għożża u responsabbiltà: li nħobbu lit-tifel u lil ommu, li nħobbu s-sagramenti u l-karità, inħobbu lill-Knisja u l-foqra. F’kull wieħed minn dawn ir-realtajiet hemm dejjem it-tifel u ommu.
Aħna u nibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied f’din is-sena kkumplikata, nitlob li s-soċjetà Maltija, inkluż liż-żgħażagħ tagħha, biex tibqa’ tgħożż l-omm u t-tifel jew it-tifla fil-ġuf.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta