L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Publiju kien il-‘Protos’, bil-Grieg jiġifieri l-ewwel, il-prinċep ta’ Malta, il-mexxej. F’dan ir-rakkont mill-Atti tal-Appostli, ir-rakkont tan-nawfraġju ta’ Pawlu u sħabu hawnhekk f’Malta, Publiju joħroġ tassew b’mod sabiħ u pożittiv.
Il-ktieb tal-Atti tal-Appostli jgħid li Publiju: “laqagħna u bil-qalb kollha żammna għandu”. Bħalma għamlu wkoll il-Maltin li: “ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha” u “laqgħuna”. Qalb it-tbatija kbira tan-nawfraġju – din is-sitwazzjoni verament kerha – joħroġ dan is-sabiħ, it-tajjeb enfasizzat mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli fuq Publiju u l-Maltin. Publiju jibqa’ għalina ta’ ispirazzjoni kbira u ta’ għajnuna. Ħa nsemmi tliet punti li ninnutaw fil-kelma ta’ Alla.
L-ewwel nett Publiju huwa eżempju ta’ ospitalità. Meta laqa’ n-nies li kienu fuq il-ġifen – 276 – ma kien hemm ħadd fuq il-ġifen li jiġi minnu, jew li jafu, jew ħabib tiegħu, jew li b’xi mod seta’ jiggwadanja minnu jekk jiġi, imma laqa’ lil kulħadd. U laqagħhom b’qalb kbira. Publiju kien għadu ma semax il-kliem ta’ Ġesù li smajna llum aħna fl-Evanġelju skont San Mattew – “kont barrani u lqajtuni”. Dak kien għad irid jisimgħu minn San Pawl. Imma kellu diġà din il-qalb kbira u miftuħa, imbagħad din l-attitudni ġiet ikkonfermata mill-kelma ta’ Ġesù fl-Evanġelju. Hu għalhekk għalina eżempju kbir ta’ kif għandna nilqgħu lill-oħrajn bi stima, b’rispett, bi mħabba. U anke nilqgħu lill-barrani. Meta ngħidu ‘barrani’, jista’ jkun xi ħadd li qed ifittex il-kenn u bħal San Pawl jispiċċa Malta. U jista’ jkun xi ħadd Malti li forsi nqisuh barrani. Hu min hu, hi min hi. Jekk nitgħallmu minn Publiju, ikollna din il-qalb kbira lesta biex tilqa’.
San Publiju għalhekk għalina eżempju kbir ta’ kif għandna nilqgħu lill-oħrajn bi stima, b’rispett, bi mħabba. U anke nilqgħu lill-barrani.
Publiju huwa wkoll protettur tal-ħajja. Ipproteġa l-ħajja ta’ dawk kollha li kienu fuq il-ġifen u, bis-saħħa tiegħu, salvaw. Ipproteġa l-ħajja ta’ kulħadd, anke ta’ ħafna minnhom li kienu dak iż-żmien ilsira. Għalih, kienet għażiża l-ħajja ta’ dawn, bħalma kienet għażiża ħafna l-ħajja ta’ missieru li kien marid u li mbagħad San Pawl fejqu. F’dan jgħallimna kemm hu importanti li aħna ngħożżu l-ħajja, li l-ħajja ta’ kulħadd tkun għażiża, mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha.
Publiju kien ukoll bniedem ta’ azzjoni. Ma nsibux kliem li qal f’dan ir-rakkont, avolja kien jgħid żgur ħafna kliem bħala mexxej, imma kien bniedem ta’ azzjoni. Meta nqalgħet din is-sitwazzjoni, ma baqax gallarija, imma ħa azzjoni, refa’ r-responsabbiltà li kellu bħala mexxej. Għalhekk, bis-saħħa tiegħu, għax ħa azzjoni, dawk in-nies setgħu jkollhom hawnhekk f’Malta ambjent li jilqagħhom.
Ejjew, ispirati minn San Publiju llum, nitolbuh din il-grazzja: li aħna bħalu u fuq l-eżempju tiegħu nkunu nies ta’ ospitalità, li nagħrfu l-valur li nilqgħu lill-oħrajn; li ngħożżu l-ħajja f’kull waqt tagħha; u li nkunu nies ta’ azzjoni, jiġifieri li ngħixu tassew bil-fatti dak li aħna nemmnu.