L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Lejn tmiem is-sena li għaddiet il-Papa Franġisku, bħalma jagħmel kull sena, għamel diskors lill-kollaboraturi tiegħu membri tal-Kurja Rumana. Ta’ kull sena nistennew il-kelma tal-Papa f’din l-okkażjoni għaliex f’din l-okkażjoni jirrifletti fuq l-attwalità dak li għaddejjin minnu.      

Aħna ma nistgħux ninsew li qegħdin niċċelebraw din il-festa għażiża tal-konverżjoni tal-appostlu Missierna San Pawl f’din il-pandemija. Kulħadd liebes il-maskra u kulħadd ukoll ħosbien fuq dak li se jiġrilna. Ftit tal-ġimgħat oħra nagħlqu sena b’din il-pandemija. F’dawn il-ġranet sena ilu bdejna nisimgħu b’dak li kien qed jiġri fiċ-Ċina u f’Marzu kellna nagħlqu kollox għaliex il-pandemija kienet u għadha fostna.

Il-Papa jitkellem dwar is-sitwazzjoni mill-kelma ‘kriżi’. Hu jgħid li l-kriżi tal-pandemija hija okkażjoni tajba biex nirriflettu fil-qosor dwar xi tfisser kriżi. Il-Papa jixtieq jagħmel hekk biex ikun ta’ għajnuna għalina. “Il-kriżi hija fenomenu li jaffettwa lil kulħadd u lil kollox. Issibha kullimkien u f’kull perjodu tal-istorja, u ssibha f’kollox: fl-idejoloġiji, fil-politika, fl-ekonomija, fit-teknoloġija, fl-ekoloġija, fir-reliġjon.”

Il-Papa jgħid li l-kriżi “hija mument importanti fl-istorja personali u fl-istorja soċjali. Turi ruħha bħala xi ħaġa straordinarja, bħalma hi l-pandemija, li dejjem toħloq sensazzjoni ta’ inkwiet, dwejjaq, sbilanċ u inċertezza fl-għażliet li jridu jsiru”. Bħalma jurina l-għerq tal-verb krino minn fejn ġejja l-kelma kriżi, il-kriżi hija dak l-għarbiel li jsaffi l-qamħ wara l-ħsad”. Minn hemmhekk ġejja l-kelma krino u li mbagħad żviluppat fi kriżi, li ssaffi l-qamħ wara l-ħsad. 

“Anke l-Bibbja hija mimlija b’nies li ġew ‘magħrbula’, ta’ persuni fi kriżi” li propju permezz tal-kriżi, iwettqu l-istorja tas-salvazzjoni”. Il-Papa jsemmi l-kriżi ta’ Abraham, il-kriżi ta’ Mosè, il-kriżi ta’ Elija l-profeta, il-kriżi ta’ Ġwanni l-Battista u fl-aħħar nett isemmi l-kriżi teoloġika ta’ Pawlu ta’ Tarsu milqut mil-laqgħa għal għarrieda ma’ Kristu fit-triq ta’ Damasku.     

Għaliex il-Papa Franġisku jgħidilha ‘kriżi teoloġika’ din li qegħdin niċċelebraw? Meta l-Papa jħares lejn San Pawl isejjaħlu l-‘kriżi teoloġika’. Pawlu, kif qrajna fl-ewwel u t-tieni qari, jitkellem dwar iċ-ċertezza li kellu, miġnun għat-tradizzjonijiet ta’ missirijietna (ara Atti 22:3-4). Kien ċert fil-qawwa tal-liġi, kien mimli żelu. It-triq tal-Insara għalih kienet theddida kbira għall-establishment. Mar Damasku bl-ittri biex isib l-Insara u jeħodhom marbuta, jgħid, Ġerusalemm għall-kundanna (Atti 22:5).

San Pawl kien tassew raġel li ħalla lilu nnifsu jinbidel …

Fit-triq ta’ Damasku Pawlu jkollu din l-esperjenza qawwija ta’ dawl kbir f’nofstanhar. Ma kienx mument tad-dlam jew fl-għabex jew meta tinżel ix-xemx, imma f’nofstanhar. In-natura kienet diġà mimlija bid-dawl tax-xemx imma f’dak id-dawl kollu jiddi dawl aqwa, aqwa minn tax-xemx li jagħmih u jlaqqgħu ma’ Ġesù ta’ Nazaret li jgħidlu: “Sawlu, Sawlu għaliex qiegħed tippersegwitani? (Atti 22:7). Ma jgħidlux għaliex qed jippersegwita d-dixxipli tiegħu jew lill-Insara imma jgħidlu “tippersegwitani”. Min jaf kemm irrifletta fuq dan il-kliem tul ħajtu kollha li Ġesù u l-aħwa huma ħaġa waħda, dak jsir lil aħwa qed jsir lilu direttament. U jgħidlu: “Mulej”, interessanti li f’dak il-mument diġà jsejjaħlu Kirios, Mulej, “Mulej, xi trid minni?” (ara Atti 22:10). U Ġesu jibagħtu għand l-aħwa, jibagħtu għand il-Knisja, għal Damasku fejn hemm l-aħwa jistennewh. Ħananija — li ismu jfisser Alla jħenn — qiegħed jistennieh għax hu wkoll kien deherlu l-Mulej u wissieh li kellu jiltaqa’ ma’ Sawl. 

Proprju din hija l-kriżi teoloġika ta’ Pawlu li qed niċċelebraw llum. Il-Mulej, hu u jsabbtu mal-art, jitfgħu fi kriżi. Il-Papa jkompli billi jgħid li “kellu jħalli s-sigurtajiet tiegħu biex jimxi wara Ġesù (ara Fil 3,4-10). San Pawl kien tassew raġel li ħalla lilu nnifsu jinbidel permezz tal-kriżi u, għal din ir-raġuni, hu kien il-kawża li permezz ta’ dik l-istess l-kriżi,  il-Knisja seħħilha toħroġ ʼil barra mill-fruntieri ta’ Israel biex tilħaq it-truf tad-dinja”.

Mela Pawlu jagħraf li mhux il-liġi li teħles, li ssalva, imma l-grazzja f’Ġesù Kristu. Permezz ta’ din il-kriżi li għadda minnha, iwassal kriżi oħra fl-ewwel komunità li kienet qed tħares biss lejn il-poplu Lhudi u permezz tal-kriżi li jqajjem fil-Knisja, iwassal biex il-Knisja, jgħid il-Papa, “seħħilha toħroġ ʼil barra mill-fruntieri ta’ Iżrael biex tilħaq it-truf tad-dinja”.

Aħna qed niċċelebraw il-kriżi ta’ San Pawl li qajmet kriżi fil-Knisja u li permezz tagħha, aħna, missirijietna, hawnhekk, semgħu b’Ġesù ta’ Nazaret u bil-qawwa tiegħu li tfejjaq.      

Il-Papa jitkellem ukoll fil-kriżi ta’ Ġesu fl-ort tal-Ġetsemani, fuq is-salib imma jgħid dawn l-affarijiet għeżież fuq il-kriżi biex dak li jkun jifhem li dak li qegħdin niċċelebraw illum f’din il-kriżi tal-pandemija ma jistax jiftomna mit-tama.

“Ħuti,” jgħid il-Papa, “din ir-riflessjoni dwar il-kriżi ġġegħelna noqogħdu għassa kontra l-periklu li niġġudikaw bil-għaġġla lill-Knisja fil-kriżijiet ikkawżati mill-iskandli tal-bieraħ u tal-lum, bħalma għamel il-profeta Elija li, meta fetaħ qalbu mal-Mulej , huwa ppreżenta narrattiva ta’ realtà mingħajr tama: ‘Għandi qalbi tħeġġeġ għall-aħħar għall-Mulej, Alla tal-eżerċti, għaliex ulied Iżrael ħallew il-patt tiegħek, farrku l-artali tiegħek, u ’l-profeti tiegħek qatluhom bix-xabla. Jien waħdi bqajt, u qegħdin ifittxu jneħħuli ħajti’ (1 Slat 19:14). U kemm-il darba anke l-analiżi li nagħmlu dwar il-Knisja tidher qisha bla tama. Meta naraw ir-realtà mingħajr tama, ma nistgħux insejħulha realistika. It-tama tagħti lill-analiżi li nagħmlu, dak li l-ħarsa mċajpra tagħna ma tkunx kapaċi tara.

Alla jkompli jkabbar iż-żerriegħa tas-Saltna tiegħu fostna,” jinsisti l-Papa. “Min ma jħarisx lejn il-kriżi fid-dawl tal-Vanġelu, ikun qed jillimita ruħu li jagħmel biss awtopsja ta’ katavru: iħares lejn il-kriżi, imma mingħajr it-tama tal-Vanġelu, mingħajr id-dawl tal-Vanġelu. Il-kriżi tbeżżagħna mhux biss għax insejna kif nagħtuha valur bħalma jistedinna l-Vanġelu, imma għax insejna li l-Vanġelu kien l-ewwel wieħed li poġġiena fi kriżi. Huwa l-Vanġelu li jpoġġina fi kriżi. Imma jekk nerġgħu niskopru l-kuraġġ u l-umiltà biex ngħidu b’leħen għoli li l-mument tal-kriżi huwa l-mument l-Ispirtu, allura anke quddiem l-esperjenza tad-dlam, tad-dgħjufija, tal-fraġilità, tal-kontradizzjonijiet, tal-konfużjoni, m’għadniex inħossuna mgħaffġin, imma aħna nżommu l-ħin kollu t-tama ġo fina li l-affarijiet se jinbidlu, u li din il-bidla tiġi mill-esperjenza ta’ Grazzja li tkun moħbija.  ‘Għax id-deheb jippruvawh fin-nar, u n-nies magħżula fil-forn tal-umiljazzjoni’” (Sir 2:5).

Il-Papa Franġisku jgħallimna biex ma nħawdux il-kriżi mal-kunflitt. Ħafna drabi meta nidħlu fi kriżi, aħna ningħalqu fina nfusna u neħduha kontra xulxin. “Il-loġika tal-kunflitt dejjem tfittex f’min twaħħal biex tista’ tagħtihom timbru u biex tiddisprezzahom, u dejjem tfittex min għandu raġun. Dan jiffavorixxi li jikber is-sens elitista ta’ ‘gruppi magħluqa fihom infushom’ ‘Meta nieqfu fil-mument tal-kunflitt, ikunu nitilfu s-sens tal-unità profonda tar-realtà’” (Evangelii Gaudium, 226).

L-Appostlu Missierna San Pawl sema’ u ra lil Ġesù sar xhud tiegħu sat-tixrid ta’ demmu.

Quddiem il-kriżi tal-Appostlu Missierna nitolbu wkoll id-don li l-kriżi twassalna għall-konverżjoni. Ir-reżistenza li nagħmlu meta nidħlu fi kriżi u nħallu l-Ispirtu jmexxina fil-mument tal-prova, tikkundannana biex nibqgħu weħidna u bla frott. Hemm bżonn inħallu l-Ispirtu jmexxina. Meta niddefendu lilna nfusna mill-kriżi nkunu qed inwaqqfu l-ħidma tal-grazzja ta’ Alla li trid turi ruħha fina u permezz tagħna. M’għandniex nibżgħu li s-sikurezza tagħna spiċċat, li aħna ma nafux għada jekk aħniex se nispiċċaw f’xi sala l-isptar. Nagħmlu ħilitna, imma dan xi jfisser? Xi ħadd qed jgħidilna x’inhu l-iżjed importanti f’ħajjitna, x’inhu l-iżjed għażiż. Meta tqis il-kriżi li qegħdin fiha, tara kemm hawn frugħa madwarna imma wkoll affarijiet għeżież.

“Għalhekk, jekk f’ċertu realiżmu naraw l-istorja riċenti tagħna biss bħala ġabra ta’ sforzi li mhux dejjem irnexxew, ta’ skandli, waqgħat, dnubiet, kontradizzjonijiet, nuqqas ta’ xhieda, m’għandniex nibżgħu.  U lanqas m’għandna niċħdu dak kollu li fina jew fil-komunitajiet tagħna hu imċappas bil-mewt u li allura jeħtieġ konverżjoni.” Din hija l-konverżjoni li qed niċċelebraw illum. L-Appostlu Missierna San Pawl sema’ u ra lil Ġesù u sar xhud tiegħu sat-tixrid ta’ demmu. Ħalla lil Ġesù jisfidah, tilef iċ-ċertezzi kollha tiegħu, beda ħajja ġdida u għamel ħafna frott. Baqa’ jinsisti li l-ġarra tiegħu kienet tal-fuħħar u xi ftit imxellfa imma fuqu straħet il-grazzja tal-Mulej u permezz tiegħu l-Mulej għamel mal-Knisja u magħna ħwejjeġ kbar.

Nitolbu li f’dawn iċ-ċirkustanzi li qegħdin ngħaddu minnhom, ma nitilfux it-tama imma nitolbu wkoll l-interċessjoni tal-Appostlu Missierna li wriena lil Ġesù bid-don tal-fejqan. Meta ġie fostna fejjaq lil missier Publiju u fejjaq lill-Maltin kollha li resqu quddiemu bil-mard u l-piż tagħhom u “hu fejjaqhom f’isem Ġesù” (Atti 28:9). Illum forsi iżjed minn qatt qabel induru lejn l-Appostlu Missierna u nitolbuh jidħol għalina u jagħti lil Malta u Għawdex, lil pajjiżna, id-don tal-fejqan.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


More Photos >>