“Min se jgerrbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” (Mk 16:3). Din hija domanda li llum, fil-kuntest tal-pandemija, qed nagħmluha b’modi differenti. Min se jgerrbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar li ċ-ċirkustanzi donnhom poġġewna fih? Restrizzjonijiet, għeluq, lockdowns, ansjetà, qtigħ il-qalb għall-futur, imwiet, u mard. Donnu din il-pandemija, li ilha magħna ftit iżjed minn sena, saret il-qabar tagħna. “Min se jgerrbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?”

Illum aħna l-Insara niċċelebraw il-fidi f’Ġesù li miet u rxoxta. Meta dawk in-nisa twajba, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Salomi, ħarsu lejn il-qabar raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb (Mk 16:14). Kienet ġebla kbira ħafna bħalma huma kbar ħafna d-diffikultajiet li qegħdin naffaċċjaw u l-isfidi li għandna quddiemna. Kull min jagħmel id-dover tiegħu — u hemm ħafna — jgħin biex titgerrbeb il-ġebla mid-daħla ta’ dan il-qabar.

Imma llum aħna l-Insara qegħdin niċċelebraw dan l-avveniment straordinarju ta’ Bin Alla magħmul bniedem li aħna sallabnieh, ikkundannajnieh għall-piena u għall-mewt l-iżjed ħarxa. Ir-risposta tal-Missier għal dan kollu, għal tant mibegħda u kefrija kienet risposta ta’ mħabba: il-qawmien ta’ Ibnu mill-mewt.

Ix-xhieda jaraw il-ġebla mgerrba, jaraw il-qabar vojt, jaraw żagħżugħ liebes libsa bajda bħalma bajda kienet il-libsa tal-Mulej meta deher fil-glorja tiegħu quddiem tliet xhieda magħżula, u jgħidilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, mhuwiex hawn” (Mk 16:6). Il-qabar miftuħ huwa s-sinjal li l-Mulej rebaħ mhux bl-arroganza jew bil-vjolenza imma billi jagħti destin straordinarjament ġdid lill-umanità: ir-rebħa fuq il-mewt.

Jekk f’dan il-kuntest tal-pandemija hemm xi ħaġa li qiegħda tinkwetana hija li aħna hemm bżonn nagħmlu kulma nistgħu biex lil ħutna, b’mod speċjali l-anzjani u l-vulnerabbli, niskansawhom mill-mewt. Imma aħna nafu li din il-marda qerrieda tolqot kif trid u lil min trid u li hemm vittmi wkoll ta’ età żgħira. M’hemm ebda kategorija li mhix qiegħda fil-periklu li tidħol f’dan lis-sqaq bla żbokk.

Xi jrid jgħidilna llum il-Mulej Rxoxt? Irid jgħidilna li aħna, bħala komunità li temmen fih imsallab u rxuxtat, ma nistgħux ninsew li l-qawmien tiegħu huwa ħaġa waħda mal-misteru tal-mewt tiegħu. Hija r-risposta feliċi li nixtiequ lkoll għal kull wieħed u waħda minna f’kull tip ta’ ċirkustanza. Bħalma ħabbar id-djaknu fil-bidu ta’ din il-liturġija solenni, dan il-misteru ta’ dan il-lejl qaddis huwa l-mument fejn il-Knisja titlob li jinqered il-ħażen, titnaddaf kull ħtija, jissaffa kull min waqa’ fid-dnub, u jimtela bil-ferħ kull min hu mnikket.

Għaliex Ġesù għadu msallab f’dawn ħutna u jirxoxta fihom permezz tal-imħabba tagħna.

Fi kliem ieħor, dan il-lejl qaddis huwa lejl ta’ tama, lejl li jiġi biex jagħmlilna kuraġġ; huwa stedina lil kull persuna ta’ rieda tajba biex tħares lejn il-futur fid-dawl tal-Mulej imsallab u rxuxtat. Il-komunità Nisranija taf li l-Mulej tiltaqa’ miegħu msallab f’ħutna li għandhom l-iżjed bżonn, dawk li semmihomlna hu stess: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu żżuruni, kont il-ħabs u ġejtu tarawni” (Mt 25:35-36). Għaliex Ġesù għadu msallab f’dawn ħutna u jirxoxta fihom permezz tal-imħabba tagħna.

Jekk dan l-Għid irid ikun ġie għal xi ħaġa, jalla jiġi biex dan il-misteru tal-Għid bil-qawwa tiegħu jgħinna biex jinqered il-ħażen, titnaddaf kull ħtija, jissaffa kull min waqa’ fid-dnub u jimtela bil-ferħ kull min hu mnikkket.

Illum il-komunità Nisranija terġa’ tiġġedded. Fil-bidu, fil-bieb ta’ dan il-katidral, berikna nar ġdid. F’dawn il-ġranet ħsibt f’żewġ ħġejjeġ, nar imqabbad. L-ewwel wieħed kien in-nar li qabdu l-qaddejja fil-bitħa tad-dar tal-qassis il-kbir. Kien il-bard u kellhom bżonn il-kenn tas-sħana tal-ħuġġieġa. Pietru wkoll mar ħdejha. Kienet il-ħuġġieġa tas-swied il-qalb li ġegħlitu jiċħad ’il Mulej bil-biża’ imma wkoll li fid-dawl tagħha ltaqa’ mal-ħarsa tal-Mulej, ħarsa ta’ ħniena u ta’ mħabba (ara Lq 22:61).

Il-ħuġġiega l-oħra kienet dik li ħejjew il-Maltin biex jilqgħu lill-Appostlu Missierna Pawlu u l-275 persuna oħra li ġew miegħu fi gżiritna bħala nawfragi għax il-vapur tagħhom inkalja hawnhekk. Ħejjejnielhom ħuġġieġa għax kienet ix-xita u kien il-bard u permezz ta’ dik il-ħuġġieġa Pawlu ra l-qalb tagħna u aħna rajna l-qalb tiegħu għaliex beda jgħin jiġbor iz-zkuk u lifgħa li kien hemm ma’ waħda minn dawn iz-zkuk qabdet ma’ idu. Bil-qawwa tal-Mulej li wiegħed li l-kelma tiegħu tissieħeb ma’ sinjali qawwija, farfar il-lifgħa u ma ġralu xejn. (ara Atti 28:2-5). Dan ukoll l-effett tal-Għid, tal-qawwa ta’ Ġesù li quddiem il-gidma tal-ħażen, il-velenu tal-mibegħda, jagħtina r-risposta tal-fejqan.

In-nar il-ġdid li berikna llejla jalla jkun ħuġġieġa li fih naraw il-ħarsa ta’ Ġesù tiltaqa’ magħna aħna li niċħduh, aħna li kultant insibuha diffiċli narawh f’min hu tassew imsallab illum anke jekk ikun f’nofs ta’ baħar jitqalleb mal-mewġ. Dik il-ħuġġieġa tlaqqagħna ma’ dik il-ħarsa ta’ ħniena u ta’ maħfra. Imma dik il-ħuġġieġa wkoll tfakkarna li aħna għandna qalb tajba, li hemm bżonn nibqgħu nixegħlu dik il-ħuġġieġa li tilqa’, li ssaħħan bl-imħabba. Il-Mulej jaf ineħħi l-velenu mill-gidma tal-ħażen u jagħtina tassew il-ħelsien.

Illum aħna u niċċelebraw il-qawmien tiegħu mill-mewt, nitolbuh li jgħallimna l-istil tiegħu. Kissirnieh, farraknieh, bżaqnielu, sallabnieh, qtilnieh u hu jqum mill-mewt biex jagħtina l-maħfra u l-paċi tiegħu. Kemm għandna x’nitgħallmu f’din l-iskola ta’ mħabba li huwa l-misteru tal-Għid.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Ġen 1, 1.26-31a
Salm: 32 (33), 4-5.6-7.12-13.20.22
Qari II: Ġen 22, 1-2.9a.10-13.15-18
Salm: 15 (16), 5.8.9-10.11
Qari III: Eż 14, 15 – 15,1
Salm: Eż 15, 1-2.3-4.5-6.17-18
Qari IV: Is 54, 5-14
Salm: 29 (30), 2.4.5-6.11.12a.13b
Qari V: Is 55, 1-11
Salm: Is 12, 2-3.4bċd. 5-6
Qari VI: Bar 3, 9-15.32 – 4,4
Salm: 18 (19), 8.9.10.11
Qari VII: Eżek 36, 16-17a.18-28
Salm: 41 (42), 3.5bċd; 42 (43), 3.4
Salm: 50 (51), 12-13.14-15.18-19
Epistola: Rum 6:3-11
Salm: 117 (118), 1-2.16ab-17.22-23
Evanġelju: Mk 16:1-7