Fl-okkażjoni tal-20 sena mill-beatifikazzjoni ta’ Dun Ġorġ (9 ta’ Mejju 2001) is-Soċjetà tal-MUSEUM, permezz ta’ Pubblikazzjoni Preca, għadha kif ippubblikat ktieb ġdid bl-isem ta’ San Ġorġ Preca: Ħaj Bħal Qatt Qabel tal-awtur Ġorġ Borg.

Dan il-volum jagħti stampa ċara u awtentika tal-ħajja u l-qdusija ta’ San Ġorġ Preca (1880-1962). Il-ktieb jiġbor fih kapitli fuq diversi suġġetti, b’iktar minn 350 titlu ta’ aneddoti fuq dan l-ewwel qaddis Malti. Ħafna minn dawn il-ġrajjiet kienu ġew ippubblikati fit-tliet kotba tal-istess awtur, Dun Ġorġ, Il-Ħabib tat-Tfal (1979), Dun Ġorġ, Ġrajjiet Minn Ħajtu (2001) u Dun Ġorġ, Ġrajjiet Ġodda (2005). Ma’ dawn hemm żieda ta’ għadd imdaqqas ta’ aneddoti oħra li ħafna minnhom qatt ma dehru qabel.

Il-ktieb għandu wkoll valur storiku/soċjali għax permezz tar-rakkonti, l-awtur jiftaħ tieqa fuq l-ambjent u l-għajxien tas-soċjetà Maltija matul l-ewwel nofs tas-seklu għoxrin. Borġ irriċerka ħafna u tana ġrajjiet miktuba bi stil mexxej u fl-istess ħin dettaljat. Il-qarrej għandu jsib dan il-ktieb mhux biss pjaċevoli għall-qari, imma tassew interessanti.  

Il-ktieb jinbiegħ minn Librerija Preca fiIl-Blata l-Bajda għall-prezz ta’ €12.