L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Qis li ma tgħid lil ħadd”. Tidher stramba din li qal Ġesù lil-lebbruż. Kien għadu nieżel minn fuq il-mutanja b’folol kbar ta’ nies, wara d-diskors tal-muntanja, u meta fejjaq lil-lebbruż, l-ewwel ħaġa li qallu kienet: “qis li ma tgħid lil ħadd”. Din mhix l-unika darba li Ġesù jgħid hekk fl-Evanġelju, lil min ifejjaq jgħidlu biex ma jgħid lil ħadd.
Għaliex? Għaliex ma jgħid lil ħadd? Hemm xi ħaġa ħażina li Ġesù fejqu? Nifhmu dal-kliem ta’ Ġesù jekk aħna niftakru li Ġesù ma riedx li l-kelma li tiġri fuqu tkun sempliċiment “dan bniedem li jagħmel l-għeġubijiet, dan bniedem li jagħmel il-mirakli”, u daqshekk. Imma hemm ħafna aktar, bħalma naraw fil-ġrajja sabiħa tal-lum. Hemm ħafna aktar minn miraklu li għamel Ġesù miegħu għax fejqu.
Innutaw l-ewwel nett it-talba li għamel il-lebbruż. Dan resaq fuq Ġesù u qallu: “jekk trid, tista’ tfejjaqni”. Kellu fidi li Ġesù jista’ jfejqu. Ma għamillux mistoqsija: “tista’ tfejjaqni?”, imma kellu fidi. U jekk niftakru li l-lebbrużi f’dak iż-żmien kellhom joqogħdu ’l bogħod, naraw aktar din il-fidi kif mexxietu lejn Ġesù. Fejn suppost dan qagħad ’il bogħod ħafna minn Ġesù, resaq lejh; u fejn suppost beda jgħajjat biex in-nies ma jersqux lejh, minflok l-għajta tiegħu kienet: “jekk trid, tista’ tfejjaqni”.
Jekk inħarsu lejn Ġesù, f’din is-silta qasira naraw l-imħabba kbira personali tiegħu lejn il-bniedem, u u speċjalment lejn il-bniedem fl-akbar bżonn. Ġesù, kif jgħidilna l-Evanġelju, kellu folol kbar ta’ nies warajh, imma l-ħarsa tiegħu jitfagħha fuq dan il-bniedem li kien marid, imma li kien ukoll emarġinat. Fil-fatt, Ġesù jgħidlu “irrid, kun imfejjaq”. Imma jagħmel xi ħaġa oħra wkoll. L-Evanġelju jgħid li Ġesù medd idu u messu. Issa dak iż-żmien, jekk kien hemm xi ħaġa li trid tagħmel ma’ xi ħadd marid bil-lebbra, hu li titbiegħed minnu. Illum nifhmuha fil-pandemija kemm hi importanti d-distanza soċjali, ta’ metru u nofs jew żewġ metri, u nafu kemm hi importanti għall-ħarsien tas-saħħa. Dak iż-żmien, ħafna aktar minn hekk; min kien marid bil-lebbra kellu joqgħod aktar ’il bogħod. Ġesù medd idu u messu; mhux biex iwaqqa’ l-miżuri għall-ħarsien tas-saħħa ta’ dak iż-żmien, żgur li le; imma għax hu kellu l-qawwa li jfejjaq, li jerġa’ jagħtih saħħtu mill-ġdid. Għalhekk, meta għamel hekk, wera kemm Alla hu qrib tal-bniedem fil-bżonn u speċjalment il-bniedem emarġinat.
Ġesù, kif jgħidilna l-Evanġelju, kellu folol kbar ta’ nies warajh, imma l-ħarsa tiegħu jitfagħha fuq dan il-bniedem li kien marid, imma li kien ukoll emarġinat.
Fil-fatt, lil dan il-lebbruż, Ġesù jgħidlu biex imur juri ruħu lill-qassis, biex jerġa’ jintegrah mill-ġdid fil-komunità, ma jibqax emarġinat, imma jerġa’ jieħu postu fis-soċjetà. Dan hu li naraw f’din il-ġrajja. Taraw li hi ħafna aktar minn sempliċiment bniedem li kien jagħmel il-mirakli u l-għeġubijiet. Dan hu li jrid Ġesù li jasal lilna wkoll, biex aħna jkollna dik il-fidi li kellu dan il-lebbruż, u biex aħna nemmnu li Alla jagħti kasna, jimpurtah minn kull wieħed u waħda minna, u jkun magħna speċjalment fl-akbar bżonn.
Tajjeb li aħna llum nitolbu lill-Mulej it-talba li għamillu dan il-lebbruż “Mulej, jekk trid tista’ tfejjaqni”. Nilqgħu l-fejqan li jrid jagħtina l-Mulej. Kultant ikun fejqan fiżiku wkoll, imma ħafna drabi jkun fejqan minn ġewwa, il-qalb tagħna, biex hi tkun fil-paċi, u jkollna tassew il-paċi tiegħu f’qalbna li hi l-isbaħ ħaġa li jista’ jkollna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju