-
-
Il‑Kummissjoni għall‑Ħarsien tat‑Tfal u l‑Adulti Vulnerabbli (Safeguarding Commission) ser toffri s‑servizzi tagħha lill‑għaqdiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu mal‑minuri u li ma jiffurmawx parti mill‑Knisja. Dan bil‑għan li tkompli toħloq għarfien dwar il‑prevenzjoni mill‑abbuż u l-importanza ta’ ambjent sikur fil‑komunità. Dawn is‑servizzi jinkludu żvilupp ta’ policy ta’ ħarsien skont il‑ħtiġijiet tal‑entità, taħriġ lill‑ħaddiema u l‑voluntiera, risk assessments ta’ individwi li qed jaffaċċjaw allegazzjonijiet jew jinstabu ħatja ta’ abbuż, u kwalunkwe parir professjonali ieħor relatat mal‑prevenzjoni tal‑abbuż.
Waqt il‑preżentazzjoni tar‑rapport annwali tas‑Safeguarding Commission għas‑sena 2016, Andrew Azzopardi, iI‑Head of Safeguarding, qal li dawn is‑servizzi qed jiġu offruti diġà mill‑Kummissjoni lill‑entitajiet tal‑Knisja. Spjega li s‑sena l‑oħra, il‑Kummissjoni tat taħriġ lil aktar minn 600 persuna li jaħdmu fil‑Knisja. Dawn jinkludu: għalliema, care workers, katekisti, saċerdoti, membri fl‑ordnijiet reliġjużi, seminaristi, u voluntiera. Il-Knisja kompliet tinvesti fis‑Safeguarding Commission bl‑impjieg ta’ professjonista oħra fir‑rwol ta’ safeguarding officer, biex dawn is‑servizzi kollha jinfirxu u jiġu offruti wkoll barra l‑Knisja.
Andrew Azzopardi qal ukoll li minkejja t‑tnaqqis fl‑ilmenti li l‑Kummissjoni rċeviet fl‑2016, is‑Safeguarding Commission ser tifrex il‑ħidma tagħha fil‑Knisja u fis‑soċjetà għaliex verament temmen fl‑importanza li l‑persuni vulnerabbli jkollhom ambjent sikur. Madankollu saħaq li l‑ħarsien tat‑tfal u l‑adulti vulnerabbli huwa responsabbiltà ta’ kulħadd.
Matul l‑2016, minn 12‑il ilment ta’ minuri li rċeviet il‑Kummissjoni, żewġ allegazzjonijiet ġew issostanzjati u ttieħdu l‑passi meħtieġa f’kull każ. Il‑każijiet l‑oħra konklużi jew ma ġewx ippruvati jew ġew riferuti lill‑entitajiet relevanti għax ma kinux fir‑remit tal‑Kummissjoni. Sa Diċembru 2016 kienet qed issir l‑evalwazzjoni ta’ 12‑il ilment, li f’6 minnhom ġiet imposta restrizzjoni fuq l‑attività pastorali bħala prekawzjoni.
Fir‑rigward ta’ adulti vulnerabbli, l‑evalwazzjoni tal‑każijiet konklużi saret f’inqas minn 6 xhur. Minn 12‑il ilment li rċeviet il‑Kummissjoni fl‑2016, kien hemm 4 każijiet fejn l‑allegazzjoni ġiet sostanzjata u ttieħdu l‑passi meħtieġa f’kull każ. L‑evalwazzjoni tal‑każijiet l‑oħra konklużi, jew ma ġewx ippruvati jew ġew riferuti lill‑entitajiet relevanti għax ma kinux fir‑remit tal‑Kummissjoni. Sa tmiem is‑sena li għaddiet kienet qed issir l‑evalwazzjoni ta’ 10 ilmenti, u filwaqt li f’kull każ ittieħdet l‑azzjoni meħtieġa, f’wieħed minnhom ġiet imposta restrizzjoni fuq l‑attività pastorali bħala prekawzjoni.
Andrew Azzopardi qal li l‑Kummissjoni tal‑Knisja ser tkompli toffri l‑kontribut tagħha fuq livell nazzjonali, kif għamlet is‑sena l‑oħra meta rrakkomandat lill‑Istat it‑twaqqif ta’ awtorità għall‑ħarsien tat‑tfal u l‑adulti vulnerabbli. Awtorità bħal din taħdem biex, fl‑aħjar interess tal‑minuri, tiġi implimentata sistema ta’ qsim ta’ informazzjoni bejn l‑organizzazzjonijiet li jaħdmu mat‑tfal u l‑adulti vulnerabbli.
Fuq livell internazzjonali, matul l‑aħħar sena l‑Kummissjoni kkollaborat mal‑Catholic Safeguarding Service tal‑Iskozja u maċ‑Ċentru għall‑Ħarsien tat‑Tfal (Centre for Child Protection) tal‑Università Pontifiċja Gregorjana f’Ruma, biex torganizza konferenza internazzjonali dwar il‑prevenzjoni mill‑abbuż. Wieħed mill‑kelliema ewlenin tal‑konferenza kien l‑Arċisqof Charles J. Scicluna.
Is‑Safeguarding Commission tal‑Knisja tappella lill‑pubbliku biex jikkuntattja lill‑Pulizija dwar kwalunkwe tħassib relatat ma’ abbuż. Barra minn hekk, wieħed jista’ jikkuntattja wkoll il‑Kummissjoni fuq [email protected] jew www.safeguarding.org.mt.
Agħfas hawn biex tniżżel ir-rapport annwali tas-Safeguarding Commission 2016.
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja