L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

X’kien qiegħed jagħmel Natanael taħt is-siġra tat-tin? Ma nafux. Ma naħsibx li kienet xi ħaġa privata li se jsemmilu Ġesù. Is-siġra tat-tin, peress li tagħmel frott ħelu, fl-Iskrittura hija dik li tfakkarna fil-ħlewwa tal-Kelma ta’ Alla.

Ir-reazzjoni ta’ Natanael hija immedjata u nistgħu nifhmu li allura, Natanael — dan l-Iżraeli li jistħoqqlu dan l-isem — xi ħaġa li jgħidha Ġesù li “ma hemm ebda qerq fih” (Ġw 1:47), kien qiegħed jitlob għall-miġja tal-Messija mwiegħed fl-Iskrittura, imwiegħed fil-Kelma ta’ Alla. Min jaf kienx qiegħed jaqra jew jaħseb f’wieħed mill-kantiċi l-għanjiet tal-qaddej ta’ Alla li aħna nfakkru f’kull jum tal-Ġimgħa Mqaddsa li jitkellmu dwar dan il-qaddej li jsofri u se jifdi lill-poplu tiegħu? Min jaf?

L-Evanġelju ta’ San Ġwann ma jidħolx f’dan id-dettall għaliex bejn Natanael u Ġesù kien biżżejjed li l-Mulej jgħidlu: “Rajtek taħt is-siġra tat-tin” (Ġw1:48). Natanael mill-ewwel jirrealizza li dan il-mastrudaxxa ta’ Nazaret jara ħafna iżjed milli jaraw in-nies l-oħrajn. “Inti l-Iben ta’ Alla, inti s-sultan ta’ Iżrael!” (Ġw 1:49).

L-Evanġelju tal-lum hu meħud mill-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Ġwann. Huwa Natanael li jagħtina waħda mill-ewwel stqarrijiet ta’ min hu Ġesù. Qrib ħafna tiegħu huwa Ġwanni l-Battista li lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom: “Dak hu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja” (Ġw 1:29). Ġesù mhux biss ikompli juri l-identità tiegħu lil Natanael (Bartilmew) imma jgħidlhom: “Għad taraw is-sema miftuħ u l-anġli ta’ Alla neżlin u telgħin fuq Bin il-Bniedem” (Ġw 1:51). Hawnhekk Ġesù qed jirreferi għall-glorja tiegħu.

Mela jekk Bartilmew x’aktarx kien qed jaqra dwar dan il-qaddej li qiegħed isofri u joffri ħajtu għall-poplu, il-Mulej jurih li wara din l-ubbidjenza lejn il-Missier hemm ukoll il-glorja. Ejjew nitolbu biex aħna nilqgħu l-istedina li Filippu għamel lil Natanael: “Ejja u ara” (Ġw 1:46).

Il-Papa Franġisku m’ilux insista ħafna li l-qofol tar-reliġjon tagħna ma huma la l-kmandamenti u lanqas il-preċetti tal-Knisja, għaliex dawk huma espressjonijet ta’ mħabba kbira lejn Ġesù. Il-qofol tar-reliġjon tagħna — u din jgħidha wkoll il-Papa Benedittu — hija li niltaqgħu ma’ Ġesù. “Ejja u ara”. Aħna ltqajna ma’ Ġesù? Għandna l-qalb tiegħu, qalb ħelwa u umli? Għandna l-ħarsa ta’ ħniena tiegħu, ta’ mogħdrija tiegħu? “Ejja u ara”.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Apok 21: 9b-14
Salm: 144: 10-13.17-18
Evanġelju: Ġw 1:45-51