L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Tkun kbira setegħtu sat-trufijiet tal-art. U dan ikun is-sliem!” (Mik 5:3-4). Il-festa nazzjonali tat-8 ta’ Settembru li aħna bdejna niċċelebraw minn lejlet b’dan il-pontifikal statali, għalina l-Maltin kienet dejjem espressjoni ta’ sitwazzjonijiet diffiċli ħafna li b’volontà ngħixu fil-paċi u s-sliem, li nkunu trankwilli, li nkunu nistgħu ngawdu l-gżejjer tagħna f’armonija u meħlusa minn kull theddida ta’ jasar jew inkella ta’ qerda. Hekk fehmu missirijietna fl-1565 u wkoll fis-seklu li għadda, is-seklu 20.

It-8 ta’ Settembru 1565 u t-8 ta’ Settembru 1943, meta l-flotta Taljana kkapitulat il-Port il-Kbir, huma għalina dati epokali. Missirijietna xtaqu li anke l-Indipendenza tiġi ċċelebrata fit-8 ta’ Settembru, imma ma kellux ikun hekk. L-awtoritajiet imperjali ma xtaqux. Forsi kienet l-aħħar data li ddeċieda ħaddieħor għalina.

Imma għaliex il-Maltin dejjem kienu attratti u emottivament maqgħudin ma’ dan il-jum? Għaliex minħabba dawn iż-żewġ dati importanti, tal-1565 u tal-1943, il-poplu tagħna minn dejjem ħass il-preżenza qawwija tal-interċessjoni ta’ Marija Bambina?

Aħna llum qegħdin infakkru t-twelid ta’ din it-tifla bint Anna u Ġwakkin li twieldet fil-faqar imma fl-għożża, li ngħatat l-isem għażiż għal kull familja Lhudija, l-isem ta’ ‘Marjam’ li kienet oħt Mosè, fih innifsu l-isem ifisser qatra mill-oċean. Huwa isem li jfakkrek fiċ-ċokon imma jfakkrek ukoll li inti parti minn realtà ħafna ikbar. B’xi mod l-isem ta’ Marija jista’ jkun skont il-vokazzjoni ta’ pajjiżna għax aħna qatra fl-umanità, mhux biss qatra fil-Mediterran, imma kontinwament magħqud ma’ realtà ħafna ikbar minna. L-istoriċi jkomplu jikkonfermaw li r-rebħiet li aħna xhieda tagħhom ma kinux biss ta’ benefiċċju għall-gżejjer tagħna imma wkoll għall-Ewropa u għall-Mediterran. Forsi f’din in-narrattiva hemm ukoll is-sens ta’ responsabbiltà li għandu jmexxina u jixprunana. Għalkemm fiċ-ċokon, dak li jiġri f’pajjiżna għandu wkoll rifless ta’ kuntest ħafna ikbar.

Il-vittorja li għandna bżonn illum hija armonija mibnija fuq il-ġustizzja soċjali, fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u fuq ir-rispett tad-dinjità lejn kulħadd

Aħna llum għammidna dan il-jum għażiż bil-kelma ta’ ‘il-vitorja’. Ħafna drabi bil-kelma ‘vitorja’ nifhmu rebħa fuq l-għadu. Imma llum dan id-diskors jagħmel sens? Għadu jagħmel sens li titkellem fuq l-għadu? U min hu l-għadu tagħna llum? Ma’ min irridu nagħmlu battalja? Jekk irridu nagħmlu battalja bit-tama li nirbħuh, ovvjament għandna bżonn l-armata, il-Forzi Armati, għandna bżonn il-forżi ta’ sikurezza biex jiddefenduna kontra l-kriminalità u kontra kull theddida li tista’ tfixkel l-armonija tal-ħajja ta’ bejnietna.

Imma llum il-mistoqsija li nixtieq nagħmel hija din: aħna qegħdin nitrattaw lil xulxin ta’ aħwa? Jew qegħdin nużaw il-kategorija tal-għadu għal xulxin? Il-vittorja li għandna bżonn illum hija armonija mibnija fuq il-ġustizzja soċjali, fuq id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u fuq ir-rispett tad-dinjità lejn kulħadd. Ma mmorrux ’il boghod infittxu l-għadu għax dan jista’ jkun fina: fil-mibegħda li għandna għal xulxin, bil-mod aħrax li bih nitkellmu dwar xulxin, bil-mod kif niddeċiedu, jew forsi meta nagħżlu bejn persuna u oħra, mhux biss skont il-kulur imma skont l-opinjoni. Aħna forsi faċli jkollna kliem sabiħ imma l-kelma tqanqal u l-eżempju jkaxkar.

Allura, forsi l-ġlieda li rridu niġġieldu hija waħda interna. Hemm bżonn nieqfu u nistaqsu: Fejn irridu nagħmlu sforz kbir biex inkunu flimkien bħalma kienu missirijietna fl-1565 u fl-1943 u nitqabdu kontra dak li qed jheddidna?

Jiena persważ — u nixtieq nagħmel eku b’sens ta’ gratitudni lejn kliem li qal m’ilux il-President tar-Repubblika — li aħna għandna bżonn naħdmu biex nirbħu l-għadu tal-mibgħeda li jinsab fostna. Imma fl-istess ħin ma nistgħux sempliċement inħassru l-passat b’xi gomma maġika. Anke l-Papa Franġisku meta jitkellem fuq ir-rikonċiljazzjoni jgħidilna li tkun bluha jekk tinsa l-inġustizzja għax inkella tikkundanna lilek innifsek li tirrepetiha. Niftakru mhux biex nibqgħu ħatja għal xulxin imma biex nitgħallmu, biex nevitaw, biex id-deċiżjonijiet tagħna ma jkunux faċċata fuq il-karta biex nimpressjonaw lilna nfusna u forsi lil ħaddieħor. Ħadd ma jimpressjona ruħu. Dak li rridu nħarsu lejh huwa l-għemil, l-aġir, ir-rettitudni, il-ġustizzja li tittratta lil kulħadd skont il-merti tiegħu mingħajr ma tħares lejn l-uċuħ; irridu ġustizzja għall-uman, ġustizzja soċjali.

Jalla dan il-jum jibqa’ jiġi mfakkar u jibqa’ dejjem jisfidana biex il-battalji li hemm bżonn niġġieldu, niġġilduhom flimkien, id f’id, u b’ħabel wieħed.

Meta nħares lejn il-bixra ta’ pajjiżna u nara kif qed nirvinaw is-sbuħija tiegħu, jiena ma nħarisx ’il bogħod, u lili nnifsi ngħid: dan mhux aħna qed inġibuh b’idejna? X’jiswa li fuq il-karta jkollok l-aqwa għeġubijiet imma mbagħad ma jkollokx nies ta’ sinsla li kapaċi jiggvernaw? Jew x’jiswa li jkollok politika tajba imma mbagħad aħna l-individwi m’għandniex l-istess sentimenti li taħseb mhux biss f’butek u fl-interessi tiegħek imma f’dak ta’ ħaddieħor? Jiena nista’ ngħid li se nibni biċċa art kif irridha jien biex nagħmel kemxa flus u x’jimpurtani mill-estetika ta’ dak li qiegħed nagħmel? X’jimpurtani minn dak li se nħalli lil uliedi u wlied uliedi? Dan ir-raġunament huwa għadu tagħna u dan ġej minna.

Illum, waqt li ngħidu rbaħna lill-Ottomani, irbaħna lill-Assi, imma irbaħna mhux weħidna f’kuntest ta’ għajnuna, f’kuntest ta’ solidarjetà internazzjonali, xi ħaġa li forsi għandna bżonn iżjed napprezzawha fin-narattiva ta’ dan il-jum. Ma stajniex niċċelebraw ir-rebħiet li qed niċċelebraw illum mingħajr is-solidarjetà internazzjonali. Imma llum is-solidarjetà ta’ bejnietna qiegħda fi kriżi u jiena nitlob lill-Madonna biex nieqfu u naħsbu: Fejn kien l-ikbar għadu tagħna? ’Il bogħod minn xtutna forsi fuq xi laqxa qed jitlob l-għajnuna? Dak hu l-għadu tagħna? Le, dak għandu bżonn l-għajnuna tagħna! Jew inkella qiegħed fil-qalb tagħna, fir-regħba li avvelenatna bil-kliem iebes li kapaċi nużaw għal xulxin, fl-inġustizzji li jkomplu javvelenaw it-tessut soċjali tagħna? Jalla dan il-jum jibqa’ jiġi mfakkar u jibqa’ dejjem jisfidana biex il-battalji li hemm bżonn niġġieldu, niġġilduhom flimkien, id f’id, u b’ħabel wieħed.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Mikea 5:1-4a
Salm: 12:6
Qari II: Rum 8:28-30
Evanġelju: Mt 1: 1-16, 18-23

More Photos >>