Nhar it-Tlieta 14 ta’ Settembru 2021, l-Isqof ta’ Tripli, Mons. George Bugeja OFM għamel żjara lid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi. Hu kkonċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar flimkien mad-Direttur tad-Dar Dun Martin Micallef, u d-Direttur Spiritwali Fr Trevor Fairclough, fil-preżenza ta’ numru ta’ residenti, ħaddiema u volontiera dejjem b’rispett lejn il-miżuri kontra l-COVID-19 kif mitluba mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Wara, l-Isqof Bugeja kellu l-opportunità jara d-diversi servizzi li toffri d-Dar fosthom is-servizzi tal-akwaterapija, il-kmamar multisensorjali, iċ-Ċentru Agrikolu u iċ-Ċentru SPRED, fost oħrajn.
L-Isqof Bugeja rringrazzja lil Fr Martin għall-istedina tiegħu li jżur id-Dar u qal li kien pjaċir kbir għalih li jiltaqa’ mar-residenti u jara l-ħidma imprezzabbli mill-ħaddiema u dawk li jieħdu ħsieb. Żied jgħid li d-Dar tal-Providenza hi verament dar fejn tassew seta’ jħoss il-preżenza tal-imħabba ta’ Ġesu riflessa fil-ħidma u d-dedikazzjoni ta’ dawk kollha involuti biex jiżguraw li kull persuna tgħix ħajja dinjituża waqt li tingħata għajnuna olistika.