Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja jixtiequ jesprimu tħassib serju għad-direzzjoni meħuda mill-Gvern biex jgħaddi l-abbozz ta’ liġi dwar l-użu tal-kannabis fi tmiem din il-leġislatura. Iktar minn hekk, il-Gvern ftit li xejn ta indikazzjoni dwar il-feedback li rċieva mill-pubblikazzjoni tal-White Paper f’Marzu li għadda.
Reazzjonijiet pubbliċi għall-White Paper indikaw li l-maġġoranza tal-feedback mogħti kien kritiku ħafna tal-proposta u l-impatt negattiv li din se jħalli fuq it-tfal u ż-żgħażagħ. Madankollu, il-Gvern ma ta l-ebda tagħrif dwar dan il-feedback u qed jinsisti li jibqa’ għaddej b’pass mgħaġġel bil-leġislazzjoni bla ma jikkunsidra dan ir-rispons, fosthom l-appell qawwi li sar minn ħafna għal studju riċerkat dwar l-impatt ta’ din il-proposta fuq is-soċjetà. Abbozz ta’ liġi bħal dan m’għandux jiddaħħal fi ftit ġimgħat jew xhur qabel kampanja elettorali u fi tmiem leġislatura, imma ħaqqu diskussjoni serja, matura u dettaljata.
Bħala edukaturi li jaħdmu ta’ kuljum ma’ eluf ta’ tfal u żgħażagħ, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja jħossu r-responsabbiltà li jesprimu riservi qawwija dwar id-direzzjoni perikoluża li dan il-pajjiż se jieħu jekk dan l-abbozz jiddaħħal fil-liġi.
Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja jixtiequ jtennu l-importanza tal-bżonn li ssir diskussjoni nazzjonali b’saħħitha dwar id-direzzjoni li pajjiżna għandu jieħu, flok ma jgħaġġel biex jgħaddi leġislazzjoni li b’mod ċar se tippromwovi l-użu tal-kannabis. Huma jenfasizzaw l-appell tagħhom biex nitgħallmu mill-esperjenzi ta’ pajjiżi oħra fejn miżuri protettivi biex jitnaqqas l-użu ta’ abbuż ta’ sustanzi, partikolarment fost iż-żgħażagħ, kisbu riżultati pożittivi.