Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-ewwel nett nixtieq nirringrazzja lil kulħadd tal-preżenza tagħkom u b’mod speċjali wkoll insellem lil dawk li qed isegwuna b’mod diġitali jew virtwali fuq iż-Zoom. Kont qed ngħid lill-Isqof Joe, li naħseb li dan hu l-futur tal-Assemblea, li tkun hybrid ukoll – li nagħtu l-possibbiltà anke b’mod virtwali li wieħed ikun jista’ jipparteċipa.
Il-fatt li tilqa’ ma jfissirx li tieqaf tisma’. Naħseb li dawn l-aspetti li qed niżviluppaw f’dan il-vjaġġ, iridu jibnu waħda fuq l-oħra, ikunu komplimentari. Ma nistgħux nieqfu nisimgħu u meta ngħidu ‘niffokaw fuq Knisja li tilqa’, is-sena li ġejja ma nistgħux nieqfu nisimgħu, irridu nisimgħu lil xulxin.
L-esperjenzi li smajna llum huma esperjenzi profondi ħafna, li ġejjin mill-periferija. Aħna nħobbu nsemmu l-periferija imma propjament fejn qiegħda l-periferija? Meta tfittex il-wiċċ ta’ Ġesù, fejn qiegħed Ġesù? Jista’ jkun li aħna qegħdin fil-periferija ta’ fejn qiegħed Ġesù. Mingħalina li għandna ċ-ċertezza jew il-monopolju tiegħu jew tal-grazzja, imma għadna ma fhimniex il-qalb tiegħu, qalb li toħroġ b’mod straordinarju f’din is-silta minn San Ġwann li kellna riflessjoni tant profonda tagħha llum: Ġesù jirrifjuta li jikkundanna imma jagħti l-ħajja. Bniedma kkundannata għall-mewt titlaq minn ħdejn Ġesù mhux biss ħajja imma wkoll b’futur. Kemm tkun ħaġa sabiħa li nilqgħu lil xulxin b’dan il-mod.
Imma, qabelxejn, nixtieq nirringrazzja ħafna lil Fr Chris ta’ din l-osservazzjoni profonda tiegħu, meta nirriflettu fuq dawn l-atteġġjamenti li qed imexxuna, li huma ispirati mill-għażiet li għamel l-Papa Franġisku fl-Evangelii gaudium u li allura b’mod naturali jiżżewġu ma’ dak li jixtieq għall-Knisja f’din il-mixja sinodali, mixja flimkien.
Qabelxejn jekk qed ngħidu ‘Knisja li tisma’, Knisja li tilqa’, li takkumpanja’, irridu inkunu l-ewwel nett ma’ Ġesù, nisimgħu lilu, nilqgħu lilu, nilqgħu lilu f’xulxin, nisimgħuh f’xulxin, nakkumpanjawh fejn qiegħed mhux fejn nixtiequ li jkun. U noħorġu biex nilqgħuh, biex insibuh fil-wiċċ, fil-qalb ta’ kull wieħed minn ħutna. U din hi sfida imma opportunità għall-Knisja: li nfittxu l-wiċċ ta’ Ġesù.
Il-Knisja, waqt li tilqa’, trid titlob maħfra wkoll ta’ dawk il-mumenti li tikkawża tant sofferenzi, b’atteġġjamenti ibsin kważi mingħajr qalb.
Fit-talba li l-Knisja tagħmel fil-festa ta’ San Karlu Borromeo, titlob li tiġġedded kontinwament indesinente bil-Latin, kontinwament mingħajr ma tieqaf biex tkun tista’ turi l-wiċċ ta’ Kristu lid-dinja, vultum ostendere biex inti turi l-wiċċ il-Knisja ta’ Kristu lid-dinja. Imma l-ewwel nett trid issibu l-wiċċ ta’ Kristu, trid tfittxu. U Ġesù tana triq sempliċi imma impenjattiva: “Dak kollu li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).
Il-Papa Franġisku, meta jitkellem fuq l-ispiritwalità ta’ din il-mixja, hu ispirat ovvjament mill-esperjenza tad-dixxipli ta’ Għemmaws li d-djoċesi wkoll kienet antiċipat u ħadmet. Wara kollox Luqa kapitlu 24 jibqa’ test fundamentali. Imma wkoll il-Papa ispirat ħafna mill-Atti tal-Appostli kapitlu 10: il-laqgħa bejn Pietru u Kornelju. Il-mument fejn l-isfida li saret lil Ġesù fil-passaġġ tal-adultera, hi prattikament l-istess li tiġi wkoll fuq Pietru għax jekk tiftakru l-Fariżej u l-Iskribi jikkwotaw il-liġi ta’ Mosè: “Mosè fil-liġi qalilna li din il-mara għandha titħaġġar. Inti x’tgħid?” (Ġw 8:5). Pietru hu ffaċċat ukoll mil-liġi dwar l-ikel impur u mhux impur, dwar l-istedina li tiġih minn bniedem pagan u l-liġi li kienet tipprojbilu. Fil-fatt kif jasal għand Kornelju, jgħidlu: “Jiena skont il-liġi tal-Lhud ma nistax nidħol għandek” (ara Atti 10:28).
Hemm protagonista kontinwu fil-kapitlu 10 tal-Atti tal-Appostli. Hu l-Ispirtu s-Santu, li llumina lil Pietru, l-Ispirtu s-Santu li llumina lil Kornelju – hemm qisu diriġent, direttur ta’ din il-laqgħa. Impressjonatni din il-ħaġa. Nistedinkom li terġgħu taqraw il-kapitlu 10 tal-Atti tal-Appostli waqt li l-kummentarju li jagħti l-Papa Franġisku fuqu hu profond u ta’ min anke jaqra dak li jgħid il-Papa. Imma meta taqra t-test tirrealizza li hemm dan il-protagonist: l-Ispirtu s-Santu li jitkellem b’mod li jagħti kuraġġ u viżjoni, dawl lil Pietru biex imur lil hemm mil-liġi, li hemm mis-sikurezza li kienet tagħtih il-liġi. Aħna nafu x’għandna nieklu u nafu x’ma għandniex nieklu, qisu hemm xi dietician li jgħidlek u anke lil min iżżur, għand min tmur. U dawn il-ħitan kollha jaqgħu, idubu quddiem is-sejħa li l-Mulej jagħmel li jħaddan lill-ġnus.
Ħin minnhom Kornelju, meta Pietru jmur għandu, jintefa’ quddiemu, kważi jipprostra ruħu quddiemu. U Pietru jgħidlu: “Qum minn hemm, jiena bniedem ukoll” (Atti 10:26). Kemm tkun ħaġa sabiħa li waqt li qed nikkonfrontaw ruħna ma’ diversi realtajiet li forsi f’xi manwal mhumiex skont ir-regola, nirriflettu wkoll fuq l-identità profonda tagħna, ta’ bnedmin. U li aħna midjunin ukoll mal-ħniena t’Alla kontinwament, li aħna wkoll bħala Knisja jista’ jkun li l-kelma tagħna tixxellef minħabba l-ipokresija perċepita u reali tal-Knisja f’uliedha, fl-istituzzjonijiet tagħha, fix-xhieda tagħha.
Imma l-Knisja li tilqa’ hi wkoll Knisja – għoġbitni dik il-kwotazzjoni minn Iżaija li kellna fil-bidu: “li ma tibżax twessa’ t-tinda tagħha lejn ix-xellug u lejn il-lemin”, li kulħadd ikollu post fil-Knisja u fl-istess ħin ukoll il-Knisja li tilqa’, trid tilqa’ għax tifhem il-weġgħat li kkawżat hi stess. Jiena b’mod regolari jkolli niltaqa’ ma’ diversi vittmi tal-Knisja jew tan-nies tal-Knisja u bħala isqof ukoll nitlob lil Alla ma nkunx jien ukoll kawża ta’ tant feriti jew nuqqas ta’ xhieda. U l-Knisja, waqt li tilqa’, trid titlob maħfra wkoll ta’ dawk il-mumenti li tikkawża tant sofferenzi, b’atteġġjamenti ibsin kważi mingħajr qalb.
Din hi sfida imma opportunità għall-Knisja: li nfittxu l-wiċċ ta’ Ġesù
Nagħlaq din ir-riflessjoni, ispirata minn mużajk tal-Ġiżwita bravu Rupnik, tax-xena ta’ Ġesù u l-adultera. Ipoġġi lil Ġesù qrib din il-mara li qed tipprova tilqa’ l-kelma ta’ Ġesù, Ġesù b’idejh fuq il-ġebel biex iżommhom, mhux biex iwaddabhom u qed jilqa’ lil din il-mara. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna, waqt li nilqgħu l-ġebel tal-kundannna u tal-preġudizzju, inżommuhom ’il bogħod.
Konna użajna, aħna l-Isqfijiet din l-immaġini fil-linji gwida notorji li konna ħriġna, fuq il-kapitlu 8 ta’ Amoris Laetitie għax b’xi mod dak hu l-atteġġjament li qed jipprova jgħallem il-Papa Franġisku anke bis-Sena tal-Ħniena li kien nieda. Fil-konklużjoni tagħha kien għamel ukoll meditazzjoni profonda fuq il-xena ta’ Ġesù u l-adultera billi uża l-immaġini ta’ Santu Wistin ‘misera et misericordia’. Santu Wistin jagħti żewġ ismijiet differenti lill-protagonisti. Lill-adultera jsejħilha misera imma ovvjament għax għandu fi ħsiebu li l-isem ta’ Ġesù jkun misericordia; misera et misericordia. U allura aħna rridu nadottaw dan l-atteġġjament tagħna.
Nitlob li f’dan il-vjaġġ li ovvjament ningħaqdu ma’ Pietru fih, cum et sub Petro, nisimgħu ħafna lil Ġesù, lill-Ispirtu s-Santu, imma nisimgħuh fil-poplu tagħna. Ġesù jkellimna permezz tal-poplu tagħna anke meta mweġġa’ jew irrabjat. Mhux bilfors f’kull kumment li jkun hemm fuq is-social media, imma kultant ikun hemm frustrazzjonijiet, weġgħat li joħorġu b’mod regolari u rridu nisimgħuhom ukoll u nuru li lesti nwessgħu t-tinda tagħna lejn il-lemin u lejn ix-xellug.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta