Ilbieraħ filgħaxija l-Arċisqof Charles Scicluna ppresieda l-Assemblea Djoċesana 2021 li nediet t-tieni sena tal-proċess ekkleżjali ta’ Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed: Knisja li tisma’ hi Knisja li tilqa’, b’rabta mal‑mixja sinodali lejn is‑Sinodu tal‑Isqfijiet li se jsir fl‑2023.
L-Assemblea nfetħet mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi li ta rendikont dwar dak li twettaq matul l-aħħar sena mill-proċess Knisja li Tisma’. L-inizjattivi kienu jinkludu laqgħat ma’ diversi persuni involuti fil-Knisja f’Malta, bil-għan li l-Insara u d-diversi realtajiet tal-Knisja jgħixu is-sens ta’ smigħ mal-oħrajn, inkluż dawk fil-periferija.
Matul l-Assemblea ntwerew filmati b’esperjenzi personali dwar kif il-Knisja qed tilqa’ jew tista’ tilqa’ aħjar lin-nies f’diversi ċirkustanzi ta’ ħajjithom.
L-Assemblea Djoċesana ntemmet bil-messaġġ tal-Arċisqof Charles Scicluna fejn saħaq li matul is-sena li ġejja bħala Knisja rridu nisimgħu lil Ġesù billi nkunu eqreb lejn in-nies inkluż dawk li huma mweġġgħa: “Inkunu ma’ Ġesù, nisimgħu lilu, nilqgħu lilu, nilqgħu lilu f’xulxin, nisimgħuh f’xulxin, nakkumpanjawh fejn qiegħed mhux fejn nixtiequ li jkun. U noħorġu biex nilqgħuh, biex insibuh fil-wiċċ, fil-qalb ta’ kull wieħed minn ħutna. U din hi sfida imma opportunità għall-Knisja: li nfittxu l-wiċċ ta’ Ġesù.”
Din hi l-ewwel sena li l-Assemblea saret b’mod hybrid fejn madwar 200 parteċipant attendew fiżikament jew virtwalment fis-sala taċ-ĊAK f’Birkirkara.
Aktar tagħrif dwar il-proċess Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed jinsab fuq vjagg.knisja.mt.