Il-messaġġ tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Nilqagħkom għal din l-Assemblea Djoċesana, li għall-ewwel darba, fiċ-ċirkustanzi tal-pandemija Covid-19 li għexna u li għadna fiha – qed issir b’mod hybrid. Hawn numru ta’ persuni fis-sala, u numru ħafna akbar li qed isegwu permezz taż-zoom.
L-Assemblea ta’ din is-sena rridu narawha fid-dawl tal-vjaġġ li qed nagħmlu bħala Knisja f’Malta, skont id-dokument ta’ tiġdid ekkleżjali Knisja Waħda, Vjaġġ Wieħed imniedi mill-Arċisqof f’Ġunju 2020. Nistedinkom li dejjem infittxu u nsibu f’dan id-dokument dawl kif naħdmu bi spirtu ta’ dixxerniment ekkleżjali – dak li hu fil-qalba ta’ dan id-dokument.
Dan id-dokument jindika l-erba’ attitudnijiet importanti li issa aħna familjari ħafna magħhom: Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja, li toħroġ. Fi ħdan il-Kummissjoni ta’ Koordinament ta’ Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed, li tiltaqa’ regolarment, twaqqfu wkoll gruppi – grupp għal kull wieħed minn dawn.
Iktar ma nipparteċipaw u ngħinu lin-nies jipparteċipaw, aktar jintlaħaq l-iskop kemm tal-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali li qed nagħmlu fil-Knisja f’Malta, kif ukoll fil-mixja ta’ sinodalità li qed issir fuq bażi universali
F’din is-sena 2021, kif indikat fid-dokument stess, iffokajna fuq ‘Knisja li tisma’’, u fil-fatt kellna tliet laqgħat biż-zoom, li għalihom intom ilkoll kontu mistednin – f’Jannar, f’April u f’Ottubru – fuq din it-tema ‘Knisja li tisma’’. Nixtieq infakkar li l-Assemblea torbot ma’ dak li diġà sar tul is-sena. Il-ħsieb ta’ dawn il-laqgħat li għamilna kien biex aħna nistgħu nirriflettu aktar, nipparteċipaw, u naraw kif nistgħu ngħixuha – Knisja li tisma’ – b’mod konkret fid-diversi taqsimiet tal-Knisja f’Malta, u kif fil-fatt qed isir dan ukoll f’diversi oqsma kif stajna nsegwu f’dawn il-laqgħat li kellna matul din is-sena.
Kien ta’ sodisfazzjon kbir li l-Papa Franġisku x-xahar li għadda nieda mad-djoċesijiet kollha tad-dinja l-proċess ta’ tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet tal-2023, u l-enfasi partikulari tal-Papa, meta fetaħ is-Sinodu, kien proprju fuq ‘Knisja li tisma’’.
Hu ta’ sodisfazzjon doppju meta niftakru mhux biss fir-rabta mill-qrib ta’ dan li jrid il-Papa ma’ dak li qed nagħmlu bħalissa f’Malta, imma wkoll ma’ dak li sar madwar 20 sena ilu fl-Arċidjoċesi tagħna, meta kellna s-Sinodu Djoċesan. Il-kliem tal-Papa fuq x’inhu Sinodu jfakkarna f’dak li kemm-il darba kien enfasizzat fl-esperjenza tagħna: “Is-Sinodu mhuwiex xi parlament, is-Sinodu mhuwiex indaġni fuq l-opinjonijiet; is-Sinodu hu mument ekkleżjali, u l-protagonista tas-Sinodu hu l-Ispirtu s-Santu.”
Il-Papa qal li l-iskop tagħna bħala Knisja hu li nilħqu kemm jista’ jkun nies u nkunu lesti li nisimgħu mhux biss bil-widnejn imma bil-qalb. Hekk qal fid-diskors tal-ftuħ tal-mixja sinodali (9 ta’ Ottubru 2021): “Is-Sinodu joffrilna … l-opportunità li nsiru Knisja li tisma’: li nagħmlu waqfa mir-ritmi tagħna, li nsikktu t-tensjonijiet pastorali tagħna biex nieqfu nisimgħu. Nisimgħu lill-Ispirtu fl-adorazzjoni u fit-talb … Nisimgħu lil ħutna dwar it-tamiet u l-kriżijiet tal-fidi fid-diversi rkejjen tad-dinja, dwar l-urġenzi ta’ tiġdid tal-ħajja pastorali, dwar is-sinjali li ġejjin mir-realtajiet lokali.”
U l-għada (10 ta’ Ottubru 2021) fl-omelija tal-ftuħ tas-Sinodu, il-Papa Franġisku spjega li hu eżerċizzju li jieħu ż-żmien “biex nitgħallmu nisimgħu lil xulxin – isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi u lajċi, kollha, l-imgħammdin kollha – u nevitaw tweġibiet artifiċjali jew superfiċjali … L-Ispirtu qed jitlobna nisimgħu l-mistoqsijiet, il-qtugħ ta’ nifs, it-tamiet ta’ kull Knisja, ta’ kull poplu u nazzjon. U anki nisimgħu lid-dinja, l-isfidi u l-bidliet li qed tpoġġilna quddiemna. Ma ntarrxux il-qalb, ma ningħalqux fiċ-ċertezzi tagħna. Iċ-ċertezzi ħafna drabi jagħlquna. Ejjew nisimgħu lil xulxin.”
Dak kien l-appell tal-Papa, u dak hu li għamilna din is-sena u rridu nkomplu ngħixuh u nifirxuh fis-snin li ġejjin. Is-sena li ġejja t-tema se tkun ‘Knisja li tilqa’’, u għalhekk qed nieħdu bħala tema ta’ din l-Assemblea ‘Knisja li tisma’ hi Knisja li tilqa’’. Dawn jintrabtu mill-qrib ma’ xulxin bħalma se naraw aktar ukoll matul l-Assemblea tal-lejla. Kif qal il-Papa, meta tkellem fuq li tilqa’: “Kull laqgħa (mal-oħrajn) – dan nafuh – titlob ftuħ, kuraġġ, disponibbiltà biex inħallu jibdluna l-wiċċ u l-istorja tal-oħrajn … il-laqgħa tagħna mal-oħrajn tibdilna u spiss tissuġġerilna toroq ġodda li ma konniex naħsbu li se nimxu fihom.”
Iktar ma nipparteċipaw u ngħinu lin-nies jipparteċipaw, aktar jintlaħaq l-iskop kemm tal-proċess ta’ tiġdid ekkleżjali li qed nagħmlu fil-Knisja f’Malta, kif ukoll fil-mixja ta’ sinodalità li qed issir fuq bażi universali.
Nitolbu biex inkomplu b’dan l-ispirtu. Jalla l-Assemblea tal-lum tgħinna biex insaħħu dan l-ispirtu u nwassluh lill-oħrajn, u naħdmu ħalli din l-Assemblea u dak li jiġri warajha jħallu ħafna frott. Nixtieq nagħmlu tagħna t-talba tal-Papa Franġisku, li għamel proprju fil-ftuħ tal-mixja sinodali (9 ta’ Ottubru):
“Ejja, Spirtu s-Santu. Inti li tqajjem ilsna ġodda u tqiegħed fuq xofftejna kliem li jagħti l-ħajja, ħarisna milli nsiru Knisja tal-mużew, sabiħa imma muta, b’tant passat u ftit ġejjieni. Ejja fostna, biex fl-esperjenza sinodali ma ninġarrux mill-qtigħ il-qalb, ma nxejnux il-profezija, ma nispiċċawx nirriduċu kollox għal diskussjonijiet vojta. Ejja, Spirtu Qaddis ta’ mħabba, iftaħ il-qlub tagħna għas-smigħ. Ejja, Spirtu ta’ qdusija, ġedded il-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla. Ejja, Spirtu ħallieq, u ġedded il-wiċċ tal-art.”
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju