Il-Maltapost qassmet id-djarju tad-Dar tal-Providenza għas-sena 2022 f’kull dar ta’ Malta u Għawdex. Permezz ta’ dan id-djarju, li bit-tagħrif li fih jibqa’ jintuża s-sena kollha, is-sostenituri jkollhom l-opportunità li juru s-solidarjetà tagħhom mad-Dar li toffri residenza lil 115-il resident b’diżabbiltà bl-aħjar ambjent li jgħin fl-iżvilupp tagħhom.
Bħal fis-snin imgħoddija, id-djarju fih il-ħinijiet tal-quddies kollu tal-Ħdud u ta’ matul il-ġimgħa fil-knejjes u kappelli kollha ta’ Malta u Għawdex u kalendarju dettaljat. Fih ukoll il-lista tal-festi parrokkjali kollha fiż-żewġ gżejjer għas-sena d-dieħla. Ir-ritratt bil-kulur li hemm fuq il-faċċata ta’ quddiem, li juri l-Wied tal-Grazzja fit-triq bejn ir-Rabat u Marsalforn, hu tal-fotografu Ian Noel Pace.
Dawk li ma waslilhomx id-djarju huma ġentilment mitluba jċemplu lir-reception tad-Dar fuq 21462844 jew b’email fuq [email protected].
MAPFRE MSV Life u GasanMamo Insurance sponsorjaw l-istampar tad-djarju waqt li l-Maltapost reġgħet ġentilment aċċettat li tqassam id-djarji mingħajr ħlas fid-djar kollha.