Il-Papa Franġisku aċċetta t-talba tal-Isqof George Frendo biex jirriżenja minn arċisqof ta’ Tirane-Durres fl-Albanija. L-Isqof George Frendo din is-sena għalaq 75 sena.
Il-liġi kanonika tgħid li isqfijiet djoċesani huma mitluba jissottomettu r-riżenja tagħhom lill-Papa meta jagħlqu 75 sena.
L-Isqof Frendo kien inħatar Isqof Awżiljarju ta’ Tirane-Durres fl-2006 mill-Papa Benedittu XVI, u għaxar snin wara kien inħatar arċisqof tal-istess djoċesi mill-Papa Franġisku.
F’Novembru tas-sena l-oħra kien irriżulta pożittiv għall-Covid-19, u kellu jiġi trasferit mill-Albanija lejn sptar f’Bari l-Italja wara li żviluppa kumplikazzjonijiet respiratorji. Hu kien irritorna l-Albanija wara li fieq, fejn kompla jmexxi d-djoċesi tiegħu.
Id-Dumnikani Maltin ilhom preżenti fl-Albanija mill-1996. L-Isqof George Frendo kien mar hemmhekk bħala missjunarju sena wara, fl-1997.
Sors: Newsbook Malta