Il-Gvern tal-Indja ħabbar li mhux se jġedded il-liċenzja li permezz tagħha, is-Sorijiet Missjunarji tal-Karità ta’ Madre Tereża fl-Indja jingħataw fondi u donazzjonijiet minn pajjiżi barranin.

F’Jum il-Milied, il-Gvern Indjan ħabbar li ma mhux se jġedded ir-reġistrazzjoni, wara li l-Gvern tal-Prim Ministru Narendra Modi ilu jaħdem biex iwaqqaf dawn il-fondi milli jingħataw lill-organizzazzjonijiet tal-karità Nsara, kif ukoll NGOs oħra li joperaw fl-Indja.

Is-Sorijiet Missjunarji tal-Karità twaqqfu fl-1950 u huma waħda mill-aktar organizzazzjonijiet tal-karità Kattoliċi magħrufa fid-dinja.

Numru ta’ membri minn gruppi li jipprattikaw il-Ħinduiżmu, ilhom jakkużaw lis-Sorijiet Missjunarji tal-Karità li qegħdin jaħdmu biex iġiegħlu n-nies jikkonvertu għall-Kristjaneżmu.

Fost l-attakki mwettqa minn gruppi ta’ nies li jipprattikaw ir-reliġjon tal-Ħinduiżmu kien hemm diversi avvenimenti tal-Milied fil-mira ta’ attakki. Dan wara li ġie allegat li l-Insara kienu qegħdin jużaw il-festi biex jisfurzaw numru ta’ Indjani jikkonvertu għall-Kristjaneżmu.

Intant, il-ġimgħa l-oħra, numru ta’ membri tal-kleru fl-Indja rrappurtaw li rappreżentanti ta’ gruppi li jipprattikaw ir-reliġjon Ħindu, allegatament wettqu attakki fuq nies Insara.

Membri tal-kleru oħra qalu li minn Ottubru li għadda l-persekuzzjoni fuq l-Insara żdiedet. Dan seħħ meta l-Partit Bharatiya Janata, li huwa l-partit fil-Gvern Indjan, ħabbar li qiegħed jaħdem fuq liġi li tipprojbixxi nies milli jikkonvertu għal reliġjon oħra.

Sors: Newsbook Malta