-
-
Nhar il-Ħadd, 23 ta’ April 2017, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-festa tal-Ħniena Divina tal-Mulej, fis-Santwarju tal-Ħniena Divina, in-Naxxar.
-
Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
-
Santwarju tal-Ħniena Divina, San Pawl tat-Tarġa
23 ta’ April 2017
“Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħidha fuq ġenbi: tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen” (Ġw 20, 27). Din l-istedina l-Mulej Ġesù jagħmilha Ħadd fuq l-Għid, tmint ijiem wara. Fil-miġja tiegħu għat-tieni darba waqt li d-dixxipli tiegħu kienu ġewwa, huwa jistitwixxi, ibierek u jikkonsagra l-laqgħat li l-ewwel dixxipli kienu jagħmlu fl-ewwel jum tal-ġimgħa biex ifakkru l-qawmien tiegħu mill-imwiet.
L-ewwel parti tal-Evanġelju tal-lum seħħet dikinhar filgħalixja tal-Għid il-Kbir. It-tieni parti, fejn Ġesù jiltaqa’ ma’ Tumas it-Tewmi, isseħħ “tmint ijiem wara” (v. 26) bħalma qegħdin nagħmlu llum. Id-dixxipli reġgħu ltaqgħu, kienu flimkien tmint ijiem wara u l-Mulej li kien f’nofshom iddeċieda li l-preżenza tiegħu mhux biss iħossuha imma wkolll jarawaha.
Tumas, li ma kienx magħhom meta kien ġie Ġesù nhar l-Għid il-Kbir, jilqa’ l-isfida tiegħu: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer, u ma nqegħidx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx” (v. 25). Tumas, b’din id-domanda qiegħed jikkonferma li Ġesù kien issallab tassew, li wara l-mewt tiegħu l-ġenb tiegħu kien minfud mil-lanza u li dawn il-marki kienu s-sinjal tal-Mulej ħaġa waħda miegħu.
Fl-istedina li għamillu Ġesù, mhux hemm biss il-konferma li l-pjagi ta’ Ġesù huma ħaġa waħda miegħu, imma l-istedina tal-Mulej huwa li jdejh iressaqha lejhom u jqiegħed idu fuq ġenbu. “Tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen” (v. 27).
Il-pjagi ta’ Ġesù huma l-għajn li minnha toħroġ il-ħniena tiegħu. Mhumiex biss il-prezz tal-fidwa tagħna, imma huma twieqi u bibien miftuħin beraħ fuq l-imħabba ta’ Alla għalina: “Qiegħed idejk fuq ġenbi”.
Fl-esperjenza mistika ta’ Santa Marija Fawstina Kowalska, mill-ġenb minfud ta’ Ġesù, ħerġin żewġ raġġi qawwija: raġġ kulur id-dawl tax-xemx, u raġġ kulur id-demm. Minn dak il-ġenb minfud ħarġu demm u ilma kif jixhed l-istess evanġelista li qiegħed jirrakontalna dak li ġara tmint ijiem wara, Ġwanni. U dak il-ġenb huwa ġenb kontinwament miftuħ.
Jekk xi darba jkollkom ċans tmorru sa Londra – ovvjament mhux bilfors bil-vapur, illum hawn iżjed mezzi komdi – sibu ftit ħin biex tmorru mużew importanti f’Londra, il-Victoria and Albert Museum. Kif tidħol fil-pjan terren – l-ewwel nett m’hemmx għalfejn tħallas biex tidħol, jiġifieri diġà vantaġġ dak – u jekk tkun ġurnata xita bħalma ġieli tkun Londra, jew ħafna drabi, inti jkollok ġurnata fost affarijiet tassew sbieħ. Fil-pjan terren hemm is-sezzjoni tal-arti: arti medjevali u rinaxximentali.
M’ilux kelli nofstanhar liberu meta mort inżur lill-morda, li regolarment ikunu Londra għall-kura, u mort f’dan il-mużew u ltqajt ma’ skultura li għandha sitt mitt sena għax tal-1300, li laqtitni ħafna. Hija skultura kulur il-bronż. Ġesù qiegħed jaqbad idejh u jiftah beraħ il-kustat tiegħu. Kienet skultura Fjorentina li kienet fil-faċċata ta’ wieħed mill-isptarijiet ta’ Firenze. U b’din l-immaġini tassew qawwija, l-artist, li x’aktarx kien bniedem ta’ fidi kbira, ried jgħidilna li l-kustat ta’ Ġesù huwa miftuh beraħ għalina. Dik l-istedina li ta lil Tumas bħal-lum tmint ijiem wara, għadha hemm. “Ġib sebgħek hawn, ressaq idek u qegħidha fuq ġenbi”.
Mattia Preti għandu kwadru straordinarju – m’hemmx għalfejn tmur Londra biex tarah, qiegħed fil-Museum of Fine Arts, il-Belt – ta’ Tumas ipoġġi sebgħu fuq il-ġenb minfud ta’ Ġesù. U ħafna artisti ġew ispirati minn din ix-xena għaliex hija wkoll tifkira, talba sabiha li l-Knisja, sa mill-qedem, kienet titlob f’dan il-jum.
F’dan il-jum il-Knisja kienet terġa’ tiltaqa’ Ħadd fuq l-Għid biex tilqa’ fost il-komunitù Nisranija lil dawk l-adulti li kienu tgħammdu fil-velja qaddisa tal-Għid. Kienu jerġgħu jirritornaw bil-libsa l-bajda li kienet tingħatalhom fil-Magħmudija u kienu jerġgħu jiltaqgħu f’din il-ġurnata, f’dan il-Ħadd magħruf ukoll il-Ħadd tal-Libsa l-Bajda, “Dominica in Albis” biex huma jieħdu posthom bħala membri tal-Knisja.
Sibt il-Għid li għadda, kelli l-ferħ kbir li ngħammed disa’ adulti. Aħna l-Maltin din ma konniex imdorrijjin biha, għax aħna konna dejjem ngħammdu lit-trabi. Illum hemm adulti fostna, ħafna adulti li jiltaqgħu mal-kultura Nisranija tagħna u jistaqsu: “imma dan Ġesù min hu?”. U jiltaqgħu magħa, jiltaqgħu miegħu permezz tagħna, permezz tagħkom, permezz tat-talb tagħkom u jissaħħru b’Ġesù u jitolbu li jitgħammdu. Illum fil-parroċċi rispettivi tagħhom, imlibbsa bix-xalla bajda li tajthom f’Sibt il-Għid f’San Ġwann, jibdew jattendu għall-quddiesa ta’ nhar ta’ Ħadd.
Intom, devoti tal-Ħniena Divina, li permezz tal-kurunella qaddisa titolbu biex il-Mulej iħenn għalina u għad-dnubiet tagħna u tad-dinja kollha, aħsbu f’tant nies li bħal Tumas it-Tewmi, qegħdin ifittxu, qegħdin jgħidu: “jiena ma nemminx jekk ma narax il-marki tiegħu”. Mhijiex arroganza imma mistoqsija sinċiera. Qalulu sħabu: “rajna l-Mulej” (v. 25), u hu ried ikun ċert li ltaqa’ miegħu.
Aħna wkoll qegħdin ngħixu f’kultura fejn jekk ma tarax ma temminx, jekk ma tmissx ma temminx. Il-Mulej jgħid: “ħenjin dawk li ma rawx u emmnu” (v. 29). Imma fl-istess ħin il-Mulej preżenti fil-komunità “fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi, hemm jien inkun f’nofshom (Mt 18 20), għadu jsejjaħ, għadu jagħti l-qawwa.
Illum nitolbu biex dawn li tgħammdu, imma aħna magħhom ukoll, li ġeddidna l-wegħdiet tal-Magħmudija u nerġgħu nġedduhom illum, “kulħadd jifhem bid-dehen kollu b’liema ħasil tnaddaf, b’liema spirtu tnissel mill-ġdid, b’liema demm infeda” (Kolletta). Ejjew naħsbu ftit fuq din it-talba tal-Knisja. Dawk id-disa’ adulti, bħalma nagħmlu aħna wkoll nhar Sibt il-Għid, tnaddfu bil-ħasil tas-Sagrament tal-Magħmudija, inħafrulhom dnubiethom kollha. Hekk jiġrilna aħna wkoll fil-qrar, għax il-qrar huwa l-maħfra tal-magħmudija li tirrepeti ruħha fiż-żmien għax għandna bżonn li regolarment lill-Mulej ngħidulu: “aħfirli għax għamilt waħda tinkiteb, aħfirli għax jiena midneb”.
Dakinhar ukoll l-adulti ġew issiġġillati bis-siġill tal-Ispirtu Qaddis tal-Mulej, irċevew għall-ewwel darba l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Allura din it-talba titlob li aħna qatt ma ninsew is-Sagrament tal-Magħmudija, tal-Griżma tal-Isqof u tal-Ewkaristija li jagħmluna ħaġa waħda ma’ Ġesù: “b’liema ħasil tnaddaf, b’liema spirtu tnissel mill-ġdid, b’liema demm infeda”.
Din it-talba wkoll li nagħmlu f’dan il-jum qaddis tal-Ħniena li aħna ngħixu l-Magħmudija tagħna li tagħmilna ħaġa waħda ma’ Ġesù, li permezz tagħha Ġesù jgħix fina, u aħna ngħixu fih, li aħna nkomplu fit-triq li wrielna l-Ispirtu Qaddis tal-Mulej. “Imxu fl-Ispirtu” jgħidilna l-appostlu Missierna u fl-istess ħin ma ninsew qatt li l-fidwa tagħna seħħet bid-demm li ċċarċar mill-kustat u mill-pjagi ta’ Ġesù. Ejjew nitolbu lill-Mulej, mela, biex “kulħadd jifhem, bid-dehen kollu b’liema ħasil tnaddaf, b’liema spirtu tnissel mill-, b’liema demm infeda”.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
-
Agħfas hawn biex tara aktar ritratti tal-quddiesa ċċelebrata fis-Santwarju tal-Ħniena Divina.
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja