-
-
Il‑festa tal‑Ħniena Divina tniżżlet fil‑kalendarju tal‑Knisja grazzi għall-Papa Ġwanni Pawlu II, li fl‑1992 ddeċieda li dil‑festa tibda tiġi ċċelebrata fl‑ewwel Ħadd ta’ wara l‑Għid, l‑hekk imsejħa “Domenica in albis”.
X’inhu l‑orġini ta’ din il‑festa?
Ġesù, skont id‑dehriet li Suor Fawstina kellha tiegħu fl‑1931 u li kitbthom fid‑djaru tagħha, qasam magħha x‑xewqa li l‑Knisja tfakkar din il‑festa: “Jien nixtieq li jkun hawn il‑festa tal‑Ħniena Divina. Nixtieq li l‑pittura li se tpinġi b’dawk il‑pniezel, tiġi mbierka fl‑ewwel ħadd ta’ wara l‑Għid; dak il‑Ħadd għandha ssir il‑festa tal‑Ħniena Divina”.
Fis‑snin ta’ wara, Ġesù reġa’ deher lil Suor Fawstina minn tal‑inqas 14‑il darba oħra, u kull darba jsemmi bi preċiżjoni: meta għandha tiġi ċċelebrata l‑festa fil‑kalendarju liturġiku tal‑Knisja, l‑għaliex għandha tiġi mfakkra, il‑mod ta’ preparazzjoni għaliha u kif għandha tiġi ċċelebrata.
Għaliex intgħażel l‑ewwel Ħadd ta’ wara l‑Għid?
L‑għażla tal‑ewwel Ħadd wara l‑Għid għandha tifsira teoloġika: tindika r‑rabta bejn il‑misteru tal‑Għid tal‑Fidwa u l‑festa tal‑Ħniena, ħaġa li nnotat ukoll Suor Fawstina: “Issa qed ninduna li l‑opra tal‑Fidwa għandha x’taqsam mal‑opra ta’ Ħniena li talab il‑Mulej.”
Din ir‑rabta tkompli tiġi enfasizzata bin‑novena ta’ qabel il‑festa u li tibda min‑nhar il‑Ġimgħa l‑Kbira. Fid‑djaru tagħha, Suor Fawstina kitbet li Ġesù spjegalha r‑raġuni għaliex xtaq li titwaqqaf din il‑festa: Jekk ma jadurawx il‑Ħniena tiegħi, l‑erwieħ se jmutu darba għal dejjem”.
Il‑preparazzjoni għall‑festa għandha tibda minn novena li tikkonsisti bir‑reċita tal‑kurunella tal‑Ħniena Divina nhar il‑Ġimgħa l‑Kbira. Din in‑novena xtaqha Ġesù stess u qal ukoll li “taqla’ grazzji ta’ kull tip”.
Kif tiġi ċċelebrata?
Dwar kif għandha tiġi ċċelebrata u mfakkra din il‑ġurnata, Ġesù stess wera zewġ xewqiet:
- li l‑inkwatru u l‑pittura tal‑Ħniena Divina jiġu meqjuma kull Ħadd wara l‑Għid;
- li s‑saċerdoti għandhom jitkellmu dwar il‑kobor tal‑Ħniena tal‑Mulej, bit‑tama li l‑fidili jkabbru l‑fiduċja u t‑tama tagħhom fi Kristu.
L‑ewwel pittura tal‑Ħniena Divina
Suor Fawstina personalment tat istruzzjonijiet lill‑pittur dwar kif għandu jpinġi l‑immaġini ta’ Ġesù. Meta tlestiet il‑pittura, hi ma kinitx kuntenta bir‑riżultat u lil Ġesù qaltlu: “Min qatt jista’ jpinġi s‑sbuħija tiegħek?” u Ġesù weġibha: “Il‑kobor tiegħi mhuwiex fil‑kuluri tal‑pinzell, iżda fil‑grazzja tiegħi”.
Din it‑tpinġija dehret għall‑ewwel darba fil‑pubblliku u ġiet venerata fis‑santwarju tal‑Madonna tal‑Ħniena li jinsab f’Vilnius, fil‑Litwanja bejn is‑26 u t‑28 ta’ April 1935. Matul it‑Tieni Gwerra Dinjija kiber il‑kult u l‑interess lejn din l‑immaġini ta’ Kristu. Illum, l‑inkwatru jiġi vvenerat fil‑knisja tal‑Ispirtu s‑Santu f’Vilnius.
Min hi Suor Fawstina Kowalska?
Twieldet fil‑25 ta’ Awwissu 1905 fil‑villaġġ Pollakk ta’ Głogowiec u mgħammda bl‑isem ta’ Elena. Kienet it‑tielet mill‑għaxart iwlied ta’ Stanisław Kowalski u Marianna Kowalska. Familtha kienet fqira iżda reliġjuża ħafna.
Xtaqet tidħol soru sa minn età żgħira iżda l‑ħolma tagħha saret realtà f’Awwissu tal‑1925, meta ngħaqdet mal‑komunità tal-Ħniena tal‑Verġni Marija u ħadet l‑isem ta’ Maria Fawstina. Waqt li kienet tagħmel xogħol ta’ koka, ġardinara u purtinara, Suor Fawstina kellha diversi dehriet ta’ Ġesù, li l‑konfessuri tagħha ssuġġerewlha li tniżżilhom fi djarju (li mbagħad ġie tradott f’ħafna lingwi). Madanakollu, hi dejjem emmnet li dawn il‑ġrajjiet straordinarji li seħħewlha mhumiex sinjal ta’ qdusija.
Hi ktibet li biex tasal għall‑perfezzjoni, ir‑ruħ trid tkun f’għaqda intima mal‑Mulej, u mhux permezz ta’ “grazzji u dehriet”.
Suor Fawstina mietet fi Krakovja fl‑età ta’ 33 sena. Ġiet ibbeatifikata fl‑1993 u pproklamata qaddisa fl‑2000 minn San Ġwanni Pawlu II. Ir‑relikwi tagħha jinsabu fis‑santwarju tal‑Ħniena Divina fi Krakovja-Lagiewniki. Il‑festa tagħha hi fil‑5 ta’ Ottubru.