L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-profeta Iżaija, f’waħda mill-għanjiet tal-qaddej tal-Mulej, dik li qrajna fil-bidu ta’ din il-liturġija solenni, jgħid hekk: “Tajt dahri lil dawk li kienu jsawwtuni, ħaddejja lil dawk li kienu jnitfuli lħiti; ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq. Sidi l-Mulej jgħinni, għalhekk ma nitħawwadx; għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied, jien naf li ma jkollix mniex nistħi” (Iż 50:6-7).
Ġesù jirreferi għal din is-siegħa bħala s-siegħa tad-dlamijiet, imma f’qalbu, marbuta mar-rieda ta’ Missieru, hemm it-tama tal-qaddej umli li m’għandux mniex jistħi. Jingħad mal-ħżiena, ikun magħdud mal-ħżiena imma hu bil-qawwa tal-imħabba kbira tiegħu, marbut mar-rieda ta’ Missieru, minn ħżiena jagħmilna ġusti.
Imdendel fuq is-salib Ġesù jiġi sfidat: “Salva lill-oħrajn, isalva lilu nnifsu” (Lq 23:35). Din l-isfida jagħmluhielu l-kapijiet tal-Lhud imma jagħmilhielu wkoll wieħed mill-ħallelin imsallbin miegħu: “Eħles lilek innifsek” (Lq 23:39).
Dan huwa l-misteru kbir li qegħdin nikkomemoraw illum bl-iżjed mod solenni: l-għażla tal-Mulej li jinsa lilu nnifsu totalment biex jeħles lilna u jsalvana. L-isfida hija li jeħles u jsalva lilu nnifsu imma mhix dik il-missjoni li rċieva mingħand il-Missier. Il-missjoni li rċieva mingħand il-Missier hija li jsalva lili u lilek. Jiġi l-mument fejn bħal-lum ġimgħa niċċelebraw b’solennità kbira r-risposta tal-Missier li permezz tal-irxoxt ta’ Ibnu, il-qawwa tal-imħabba tiegħu tegħleb il-mewt.
Imma l-mument solenni tal-lum u ta’ nhar il-Ġimgħa l-Kbira huma l-mumenti meta Ġesù jingħata totalment: “Dan hu demmi mxerred għalikom. Dan hu ġismi mogħti għalikom. Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22:19-20).
Din il-ġimgħa qaddisa aħna ma nistgħux ninsew lil ħutna fl-Ukrajna u nixtieqkom tissieħbu miegħi f’għaqda spiritwali u mill-qalb ma’ dan in-nazzjon li għaddej minn kalvarju kbir. Niftakru fil-vittmi ta’ dawn id-deċiżjonijiet boloh, strambi u kiefra ta’ min imexxi, tar-rieda kiefra tal-bnedmin, tal-interessi oskuri, okkulti, inumani, u tar-regħba għall-poter li tkisser il-bniedem. Nitolbu ħafna biex il-Mulej, bil-qawwa tal-imħabba tiegħu u f’ġieħ il-passjoni ħarxa tiegħu, iħenn għalina u għad-dinja kollha.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 50:4-7
Salm: 21(22):8-9,17-18a,19-20,23-24
Qari II: Fil 2:6-11
Evanġelju: Lq 22:14 -23, 56