• Direttur: Luca Guadagnino
    Atturi: Ralph Fiennes, Tilda Swinton, Matthias Schoenaerts
    Ħin: 124 minuti
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Limited
     
    Klassifika tal-Gvern: 15
    Klassifika tal-Knisja: 18
     
    Marianne Lane hija rock star famuża imma bħalissa qegħda tieħu vaganza, flimkien mas-sieħeb tagħha Paul, li jagħmel id-dokumentarji,  ġo villa lussuża bi swimming pool fl-għoljiet ta’ Pantelleria biex isserraħ il-vuċi tagħha wara operazzjoni li għamlet fi griżmejha. Kemm Marianne u kemm Paul għandhom il-ġrieħi tagħhom mill-imgħoddi, imma jinsabu kuntenti bil-kumpanija ta’ xulxin. Wara ftit, iżda, jitfaċċa l-inkwiet: l-ex-maħbub ta’ Marianne, Harry, producer tad-diski, jitfaċċa fuq il-gżira flimkien ma’ binthu Penelope, tfajla fuq tagħha ħafna. Harry huwa esebizzjonist u jrid li jkun iċ-ċentru ta’ l-attenzjoni, il-ħin kollu jredden u jagħmel fratterija. Huwa jgħir għal fatt li Marianne tinsab kuntenta ma’ Paul. Min-naħa tagħha Marianne għad għandha sentimenti ta’ mħabba lejn Harry kif ukoll ċerta nostalġija għaż-żmien li qattgħu flimkien fil-passat. Paul, minkejja t-theddida li Harry kien isarraf għar-relazzjoni tiegħu ma’ Marianne, iħoss li ma’ jistax jagħmel ieħor ħlief juri gratitudni lejn Harry għax kien hu li kien laqqgħu ma’ Marianne. Biex l-affarijiet jikkumplikaw rwieħhom, ikun hemm attrazzjoni wkoll bejn Paul u Penelope. Imma mbagħad, wieħed minn dawn l-erbgħa, jinstab mejjet fis-swimming pool.
     
    Film drammatiku u thriller psikoloġiku, verżjoni ġdida mid-direttur taljan Luca Guadagnino ta’ ‘La Piscine’ li kien ħareġ fl-1969 u  li kien dirett minn Jacques Deray. Huwa film dwar żewġ ex-maħbubin li jerġgħu isibu lil xulxin b’riżultat diżastruż. Film li teknikament hu maħdum tajjeb u b’atturi ta’ ħila. Il-film fih atmosfera sesswali u erotika, nudita’, xeni sesswali u ħafna kliem ħażin. Jgħodd għal kbar biss.