• A New York Winter’s Tale

  • ***

    Direttur:          Akiva Goldman
    Atturi:             Colin Farrell, Jessica Brown Findlay, Jennifer Connelly William Hurt u Eva Marie Saint
    Ħin tal-Film:    118 min.
    Maħruġ minn  KRS Film Distributors
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 12A
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      15
     
    Fl-1886, koppja immigranti b’tarbija, ma jitħallewx jidħlu ġewwa Manhattan l-Amerika b’konsegwenza li l-ġenituri ddeċiedew li jħallu lit-tifel tagħhom ġewwa dgħajsa mudell bl-isem ta’ “City of Justice” u jitilquha għar-riħha fil-port. Jgħaddi ż-żmien, is-sena tkun 1916. It-tifel issa sar raġel bl-isem ta’ Peter Lake. Tletin sena qabel, Pearly  Soames, ħalliel gwab kien sabu, rabbieh u ħa ħsiebu.  Soames, kien xitan u  jippoża ta’ gangster. Peter jiddeċiedi li jħalli din il-ħajja kriminali. Din id-deċizzjoni xejn ma niżlet tajjeb ma’ Soames tant li qabbad numru ta’ kriminali li kienu jaħdmu għalih  biex jaqbduh u joqtluh. Iżda meta kien jidħer li l-pjan kien sejjer jirnexxi għaliex Peter gie ċirkundat u ftit kien hemm ċans li jiskappa, deher żiemel abjad misterjuż li salvalu ħajtu. Peter iddeċieda li kien jaqbillu li jħalli New York u jerġa’ lura għas-sajf iżda ż-żiemel iħajru biex jagħmel serqa minn dar kbira u lussuża li fiha kienet tgħammar  Beverley Penn li kienet qegħda tmut bit-tuberkulosi. F’dak il-hin, Beverley kienet waħedha fid-dar hekk kif missierha Isaac u oħta Willa marru fid-dar tas-sajf hdejn l- Ghadira Coheeris. Peter jirnexxielu jidħol fid-dar iżda jsib lil Beverley. F’qasir żmien, jinġibdu lejn xulxin. Sadanittant Soames  jirrealizza li Beverley kellha tkun ‘il-miraklu’ għal Peter. B’xorti tajba, għalkemm Peter jiġi ċirkundat minn nies ta’ Soames, bis-saħħa taż-żiemel abjad, jaħrab flimkien ma’ Beverley lejn l-Għadira Coheeries. Hawn Peter jsir jaf il-familja ta’ Beverley li tispjegalu li kulħadd hu mwieled b’ xi miraklu ġewwa fih u li hi meta tmut issir stilla. X’effett kellha tkun Beverley fuq Peter u x’jiġri meta Soames  jaħseb li qatel lil Peter li spiċċa ‘mejjet’  ġewwa x-xmara. Kif u għaliex Peter jerġa’  jitfaġġa seklu wara, fl-2014, din id-darba jiltaqa’ ma’ Abby u ommha, Virginia Gamely? Tgħid Peter sejjer ikun il-miraklu ta’ Abby li kienet marida serjament b’kanċer?

    Film interessanti ħafna, dramm sopranaturali, msejjes fuq in-novella miktuba minn Mark Helprin fl-1983. Minħabba vjolenza, xi xeni ta’ sess qabel iż-żwieġ kif ukoll kliem goff u baxx, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax –il sena.