• *****

    Diretturi :        Jill Culton u Todd Wilderman

    Ilħna:               Chloe Bennet, Albert Tsai, Tenzing Norgay Trainer, Joseph Izzo, Eddie Izzard, Sarah Paulson, Tsai Chin u Michelle Wong

    Ħin tal-Film:    97 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG

    Il-bidu tal-istorja tlaqqagħna ma’ Yeti, żgħir fl-età, li ħarab minn laboratorju ta’ riċerka fejn kien qiegħed jinżamm. Il-Yeti li inqabad mill-esploratur Burnish, kien qiegħed jinżamm biex jiġi ppruvat li l-Yeti kienu jeżistu tabilħaqq. Dan, kollu mbeżża’, jaħrab lejn il-metropoli u jistaħba fuq bejt ta’ appartament li fih kienet toqgħod Yi, teenager. Yi, ħafna mill-ħin kienet tqattgħu taħdem biex tiġbor fondi għall-familja wara li missierha kien miet. Dan il-fatt iżda kien iħasseb ħafna lil ommha u lil nannitha Nai Nai għaliex ma kienux jafu fejn kienet tmur tagħmel dan ix-xogħol.

    Lejl wieħed, Yi titla’ fuq il-bejt tal-appartament biex tistrieħ hemm fil-kwiet. Hemm Yi tiskopri l-preżenza tal-Yeti li kien qiegħed jistaħba minn dawk li kienu qegħdin iffitxuh b’kull xorta ta’ mezzi. Fil-bidu, Yi kellha biċċa xogħol iebsa biex tipperswadi lill-Yeti li kienet xtaqet tgħin. Maż-żmien, il-Yeti beda jafdaha. Il-kuġini ta’ Yi, Peng u Jin isiru jafu bil-preżenza tal-Yeti u Jin sejjaħ l-awtoritajiet fuq din is-sejba għalkemm Yi talbitu biex ma jagħmilx hekk. It-tliet teenagers taw isem lill-Yeti u semmewh Everest. Ftit ‘l bogħod kien hemm kartellun kbir b’ritratt tal-muntanja Everest u l-Yeti spiss kien jiċċassa lejh.

    Yi u sħabha jintebhu li l-post oriġinali tal-Yeti kien fuq il-muntanja Everest u għalhekk jiddeċiedu li jagħmlu minn kollox biex jieħdu lil Everest fl-abitat oriġinali tiegħu. Ftit kienu jemmnu li l-Yeti kienu jeżistu tassew fuq il-muntanja Everest. Għalhekk l-iskop ta’ Burnish li ġabu Shangai kien li juri tabilħaqq li l-Yeti kienu jeżistu. Wara numru ta’ avventuri,  it-tfal flimkien ma’ Everest irnexxielhom jistaħbew fuq vapur tal-merkanzija sejjer lejn in-naħa tal-muntanja Everest. Meta qorbu lejn il-muntanja jintebħu li Burnish u ċorma nies armati kienu qegħdin isegwu l-passi tagħhom. X’sejrin jagħmlu issa, Yi, Peng, Jin u Everest meta jsibu ruħhom imdawrin minn dawn in-nies, determinati li jaħtfu lil Everest. Everest iktar ma beda joqrob lejn il-muntanja iktar beda juri ħiliet straordinarji u maġiċi li kienu wkoll jimmanipulaw in-natura.  X’jiġri minn hawn?   

    Film animat u mimli azzjoni, taħt id-direzzjoni ta’ Jill Culton u Todd Wilderman, b’kitba ta’ Jill Culton stess. Storja ħelwa, b’messaġġ pożittiv fejn joħroġ tajjeb il-valur ta’ familja magħquda, ir-rikonċiljazzjoni u l-maħfra kif ukoll enfasi fuq ir-rispett lejn l-annimali.