Il-ġimgħa li għaddiet, ACTS Teens, organizazzjoni taż-żgħażagħ li tagħmel parti mill-Youth Fellowship, ġabret madwar 180 parteċipant għal-live-in annwali, li jissejjaħ Boot Camp fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fir-Rabat.
It-tim ta’ madwar 60 youth leaders preparaw erbat ijiem ta’ pjaċir flimkien kif ukoll żvilupp spiritwali. L-attivitajiet inkludew lejla b’ħuġġieġa, ħin il-baħar, logħob, BBQ, karaoke, u logħba oriġinali – Human Cluedo.
Din is-sena l-kamp ħaddan it-tema tal-Wild West bl-islogan, “WANTED” li jissimbolizza x-xewqa t’Alla li jsir jaf u li jħobb lil kull individwu, filwaqt li jressaqhom eqreb lejn qalbu.
Il-workshops u d-diskussjonijiet li ttrattaw it-tema tal-kamp kienu ċentrali għall-esperjenza. Il-kelliema esploraw siltiet ewlenin mill-Bibbja, fosthom l-istejjer ta’ Żakkew, Mattew il-kollettur tat-taxxa, kif ukoll il-parabbola tal-Iben il-Ħali. Dawn il-passaġġi għenu liż-żgħażagħ sabiex jifhmu kif Alla jħares lejhom, u li jistgħu jfittxu li jkollhom relazzjoni personali miegħu billi jkun involut f’ħajjithom. Il-mixja spiritwali taż-żgħażagħ kompliet tissaħħaħ b’opportunitajiet ta’ talb quddiem is-sagrament, kif ukoll permezz tas-sagrament tal-qrar.
Diversi parteċipanti rriflettew fuq l-esperjenza tagħhom matul il-Boot Camp. Spjegaw li għalihom din l-esperjenza kienet “ta’ ħafna gost u li ressqitni eqreb lejn Alla”; kif ukoll li kienet opportunità biex “insib ħin biex nitkellem personalment ma’ Alla”, u “nkun miftuħ għal xi ħaġa ġdida fejn skoprejt ħbieb ġodda li stajt nirrelata magħhom.”
ACTS Teens Boot Camp hi tradizzjoni sajfija li ż-żgħażagħ jistennew bil-ħerqa kull sena, u tħalli impatt fuq dawk kollha li jattendu bl-ispirtu ta’ ferħ, għaqda u komunità li twassal għal esplorazzjoni iktar profonda tal-fidi.