-
Adorazzjoni Ewkaristika 24 siegħa kuljum fil-Furjana
-
Nhar it-Tlieta 24 ta’ Settembru 2013, l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. inawgura uffiċċjalment l-Adorazzjoni Ewkaristika Perpetwa fil-Furjana, b’Quddiesa li saret fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Publiju. Wara, saret Purċissjoni bl-Ewkaristija lejn il-Kappella tal-Adorazzjoni fiċ-Ċentru Annunzjata, fi Triq Anton Agius, fejn qed issir adorazzjoni erbgħa w għoxrin siegħa kuljum, lejn u nhar, sebgħat ijiem fil-ġimgħa.
F’din il-Kappella qed issir ukoll Ġimgħa Ewkaristika li bdiet nhar it-Tnejn 23, sal-Ġimgħa 27 ta’ Settembru. Numru ta’ lajċi minn diversi parroċċi minn madwar Malta, fosthom anke żgħażagħ li qed iħossu l-bżonn illi jerġa’ jitqajjem l-ispirtu missjunarju u jerġa’ jkollna qawmien ta’ vokazzjonijiet ġodda, diġa bdew jagħmlu siegħa adorazzjoni fil-ġimgħa.
Il-Ġimgħa Ewkaristika qed titmexxa minn Don Alberto Pacini, promotur internazzjonali tal-Adorazzjoni Perpetwa. Don Alberto ġej mid-Djoċesi ta’ Ruma, fejn iservi bħala Rettur tal-Bażilika antika ta’ Sant’Atanasja. Illum din il-Bażilika ħdejn il-Foro Romano, hija ċentru ta’ spiritwalita’, ta’ formazzjoni u ta’ karita’, li tiġbed kwantita’ ta’ nies madwar l-Ewkaristija.
Barra li se sservi bħala mument ta’ formazzjoni Ewkaristika, din il-Ġimgħa Ewkaristika se sservi biex issir sejħa għal dawk li jħossu li għandhom jieħdu sehem f’dan il-proġett billi joffru siegħa adorazzjoni fil-ġimgħa. Dan għandu jservi bħala monument ħaj fl-okkażjoni taċ-Ċentinarju mill-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li l-Knisja Maltija għada kemm fakkret f’Ġunju li għadda.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja lil Fr Paul Fenech fuq 99802290, jew [email protected]