L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Xi tfisser li timxi fuq il-baħar? Nafu li għalina l-bnedmin dil-ħaġa mhix possibbli. Sa mill-eqdem żminijiet ivvintajna mezzi kif nistgħu naqsmu l-baħar. Illum bil-hovercrafts tista’ wkoll tagħmel cushion ta’ arja li qisha qed timxi fuq il-baħar. Imma l-bniedem li jimxi fuq il-baħar jifhem li hi xi ħaġa lil hinn minnu. Hu Alla biss li jista’ jimxi fuq il-baħar. Imma xi tfisser?
Il-baħar, għall-bniedem Lhudi u għad-dinja Semitika minn fejn jitwieled anke l-Evanġelju, huwa l-ambjent tal-periklu, huwa l-ambjent li l-bniedem ma jħossux f’postu fih. Aħna llum qed nitkellmu dwar grupp ta’ sajjieda, l-ewwel fosthom Xmun Pietru, li l-Baħar tal-Galilija kienu jafuh sew għax kien l-għixien tagħhom.
Kull min żar l-Art Imqaddsa u kellu l-opportunità jagħmel propju din l-esperjenza li tmur fuq waħda mid-dgħajjes li hemm għat-turisti u taqsam il-Baħar tal-Galilija, speċjalment jekk ikun bir-riħ kontra, tifhem dwar xiex qed jitkellem l-Evanġelju. Huwa baħar mhux żgħir ta’ ilma ħelu li jaf ukoll ikollu tempesti qawwija ħafna bħalma jiġri f’oqsma ta’ baħar limitati u mhux enormi bħalma hu l-Baħar Mediterran, u bħal ibħra ikbar bħalma huma l-Paċifiku, l-Atlantiku u l-oċeani l-oħrajn.
Meta l-Mulej jimxi fuq il-baħar qed jistieden lid-dixxipli tiegħu jagħrfuh ta li hu. Il-konklużjoni wara dan l-episodju nafuha lkoll. Jinżlu jqimuh u jgħidulu: “Int Bin Alla” (Mt 14:33). Illum nixtieq nirriflettu iżjed fuq l-esperjenza li għamel Pietru f’dan il-mument. Qegħdin fir-raba’ sahra tal-lejl jiġifieri bejn it-tlieta u s-sitta ta’ filgħodu, jiġifieri qed ibexbex. Jaraw lil Ġesu jimxi fuq il-baħar, jaħsbuh fantażma, u Pietru, li kien ġa għarfu bħala l-Messija, l-lben ta’ Alla l-ħaj, kien diġà wkoll għarfu bħala dak li jġib il-fejqan lil ħafna. Jgħidlu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali li niġi ħdejk fuq l-ilma” (Mt 14:28).
L-istedina ta’ Ġesù tissorprendina. Ma jgħidlux: ‘U inti m’intix Alla, ħija, m’intix l-Iben ta’ Alla’. Le, Ġesù lil Pietru jgħidlu: “Ejja” (Mt 14:29). U Pietru jinżel mid-dgħajsa u jaqbad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Dan is-sajjied li jaf xi jsarraf il-Baħar tal-Galilija, jara r-riħ li kien qawwi, jibża’ u jaħbat jegħreq. U Pietru jagħmel għajta li hija l-għajta ta’ kull wieħed u waħda minna meta b’mod speċjali l-ħajja tagħtina bil-ħarta u nkunu magħksin jew inkella fi dwejjaq kbar: “Salvani, Mulej”. U Ġesù ma jgħidlu xejn imma jmidd idu u jaqbdu (Mt 14:29-31).
… ejjew induru lejn Ġesù u ngħidulu: “Salvana, Mulej, salvani, Mulej”.
Illum, f’dan Jum il-Mulej, nixtieq li nnħarsu lejn dik l-id ta’ Alla, li fl-Iben tiegħu hija lesta biex taqbadna minn idejna u ssalvana. L’id ta’ Alla hija moħbija imma nistgħu narawha fl-id ta’ Ġesù li qiegħda hemmhekk biex lil Pietru ssalvah mill-għarqa, biex tirrispondi għal dik it-talba ‘salvani, Mulej’.
Personalment, bħala soċjetà, bħala dinja, għandna bżonn ngħidu din it-talba flimkien ma’ Pietru. Il-Mulej x’qed jitlob minna? Li nafdaw fih. Lil Pietru x’jgħidlu Ġesu? “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?” (Mt 14:31).
Jiena nista’ nkun f’ċirkustanzi ta’ dlam, f’ċirkustanzi fejn qed inħoss li qiegħed negħreq, imma ejjew inħarsu lejn dik l-id li Ġesù jmidd biex isalvana. Kultant tisma’ b’nies li minħabba d-diffikultajiet tal-ħajja, id-dipressjoni jew forsi d-diffikultajiet finanzjarji, jitilfu kull tama fil-ħajja. L-aħwa, f’dan il-jum tal-qawmien tiegħu ejjew induru lejn Ġesù u ngħidulu: “Salvana, Mulej, salvani, Mulej”.
Il-Mulej imidd idu u jaqbadna. Għandu bżonn il-fiduċja tagħna u jagħtina l-qawwa li fuq il-kaos tad-dinja, fuq kull element li jista’ jkun ta’ periklu, aħna nkunu nistgħu nimxu id f’id miegħu, nimxu waqt li qed nippruvaw inħarsu lejh, nersqu lejh. Pietru baqa’ miexi fuq l-ilma sakemm il-ħarsa tiegħu kienet fuq Ġesù u sakemm baqa’ jafda fil-kelma tiegħu:”Ejja”. Imma meta beda jibża’, mam bediex iħares lejn Ġesu imma lejn id-diffikultajiet ta’ vera li kien qiegħed fihom, u qabad jegħreq.
Il-messaġġ tal-Evanġelju llum huwa messaġġ ta’ Alla li lest imidd idejh biex jgħinek imma jridek tafdah. Mhux se jipprova jipperswadik la bin-nar, jew it-tkarbit, jew ir-riħ qawwi, imma biż-żiffa ħelwa bħalma għamel ma’ Elija (1 Slat 19:11-12) li tgħidlek ‘ejja’. Aħna ninxteħtu quddiem il-Mulej, nagħrfu li huwa tassew l-Iben ta’ Alla u nifirħu li fl-id ta’ Ġesù li jmidd lejn kull wieħed u waħda minna, hemm dik it-tjieba, dik il-ħniena li trid tmiss il-qalb u l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Slat 19, 9a.11-13a
Salm: 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14
Qari II: Rum 9, 1-5
Evanġelju: Mt 14, 22-33