“Il-wegħda solenni ta’ vot ta’ $7.3 biljun, inkluż $5 biljuni mill-pajjiżi tal-Ġ8, mhix biżżejjed biex jitwaqqfu l-imwiet bla bżonn ta’ miljuni ta’ nies inkluż nisa tqal u tfal żgħar. Lanqas ma hu biżżejjed li l-pajjiżi tal-Ġ8 jgħidu li qed jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom”.
Dan qaluh rappreżentanti ta’ gruppi kattoliċi ta’ għajnuna.
“Ninsabu diżappuntati bil-mexxejja tal-Ġ8”, qal Michael Casey, direttur eżekuttiv tal-Organizzazzjoni Kattolika Kanadiża għall-iżvilupp u l-paċi. Huwa kien qed jagħti reazzjonijiet għas-summit tal-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju f’Huntsville, Ontario. “Huwa falliment”, qal Alexis Anagnan mill-Aġenzija Kattolika Franċiża ta’ għajnuna WORLD SOLIDARITY.
Bħala msieħba tal-aġenzija umanitarja u ta’ żvilupp fi ħdan il-Knisja Kattolika, CARITAS INTERNATIONALIS, iż-żewġ organizzazzjonijiet tefgħu pressjoni fuq il-mexxejja tal-Ġ8 sabiex dawn jimpenjaw irwieħhom għat-tħassib ta’ saħħet in-nisa u t-tfal, b’mod partikolari, taħt l-inizjattiva ta’ Muskoka.
Il-gruppi ta’ żvilupp appellaw ukoll lill-grupp ta’ pajjiżi tal-Ġ20 fis-summit ekonomiku ta’ Toronto sabiex jeskalaw l-isforzi tagħhom għat-tnaqqis tal-faqar estrem madwar id-dinja sas-sena 2015, kif stabbilit fil-miri ta’ żvilupp tal-Millenju mill-Ġnus Maqgħuda. Minkejja kollox, rappreżentanti tal-ikbar ekonomiji fid-dinja fiż-żewġ summits, kienu ffukati fuq tħassib ieħor relatat mar-riċessjoni dinjija li tissokta.
Finalment, id-Direttur tal-Biblical Justice Consultancy, ir-Redemptorista Fr Paul Hansen, qal li “dħana f’dinja fejn l-unika lingwa li jimportana minnha hi dik ekonomika”.