L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jkompli jfissrilna l-parabboli li jagħti hu stess u jkompli jkellimna wkoll b’riferiment għad-dinja tal-agrikoltura. Jerġa’ jsemmi bħalma smajna l-Ħadd li għadda wkoll, iż-żerriegħa.
Waħda mill-affarijiet li forsi tolqotna llum hija d-distinzjoni bejn iż-żerriegħa t-tajba u ż-żerriegħa l-ħażina; il-qamħ u s-sikrana, imma wkoll iċ-ċokon taż-żerriegħa tal-mustarda. Il-Mulej jagħtina żewġ parabboli li jfissru li s-saltna t’Alla tibda fiċ-ċokon, fl-umiltà u fil-modestja. Hu jagħti l-eżempju taż-żerriegħa tal-mustarda u wkoll jagħti l-parabbola tal-ftit ħmira li mara tħallat ma’ tliet sigħan dqiq ma’ għaġna kbira.
Il-Mulej javżana li s-saltna se tibda bil-mod u nirritornaw għar-rakkomandazzjoni tiegħu li nitgħallmu nieħdu paċenzja b’xulxin u anke biċ-ċirkustanzi tal-ħajja.
Imma jwiegħed ukoll potenzjal qawwi f’dak li huwa t-tajjeb. Jasal il-mument fejn it-tajjeb nagħrfuh ta’ tajjeb li hu. Jista’ jkun ninsewh jew inkella ma jogħġobniex imma jasal il-mument f’ħajjitna, ilkoll kemm aħna ngħaddu minnha, xi kelma ta’ xi nannu jew nanna u ngħidu: ‘kemm kellha raġun, kemm kellu raġun!’ Jew inkella l-kelma tal-omm. Meta nkunu qegħdin nikbru t-twissijiet ta’ ommna u missierna narawhon żejda, propju żejda! Imbagħad jew ikollok it-tfal tiegħek allura ssib kappel jiġik, anzi mhux issibu, toħolqu inti. U tgħid: ‘kemm kellha raġun ommi għax qed ngħid l-istess kliem lil uliedi’. Għaliex? Għax il-kelma ta’ ommok, tan-nanna jew tan-nannu dejjem kienu kliem ta’ mħabba, kliem ta’ qamħ mhux ta’ sikrana. U inti tiġi biex taħsad u jkollok tagħżel bejn il-qamħ u s-sikrana. Il-ħajja tgħallmek.
Imma l-Mulej jitkellem ukoll dwar il-ħsad li jrid jiġi fuqna. Dak l-aħħar wieħed. Tgħiduli: ‘ma tantx tħobbu tipprietkaw fuq il-ġudizzju intom’. Imma llum il-Mulej ma jħallilniex għażla jekk irridu nkunu fidili lejn il-kelma tiegħu. L-ewwel nett il-parabbola tal-qamħ u s-sikrana tgħallimna li l-Mulej għandu paċenzja kbira għax meta l-qaddejja qalulu: ““Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi””(Mt 13:28-30).
Allura nitolbu ’l Mulej jagħtina d-dawl biex fil-ħajja tagħna nkunu qamħ. L-aħwa, l-għażla hi f’idejna. Ix-Xitan se jagħmel il-parti tiegħu imma l-Mulej ħafna iżjed qawwi mix-Xitan. Aħna kultant lill-Mulej u lix-Xitan inpoġġuhom fl-istess keffa. Le! Ix-Xitan huwa anġlu li fis-suppervja tiegħu rvilla kontra Alla imma huwa ħlejqa ta’Alla, mhux Alla. Hawn min jagħti ħajtu u ruħu lix-Xitan, ara xi bluha! Agħti ħajtek u ruħek lil min iridlek il-ġid; lil Alla u lill-kelma tiegħu li anke jekk toqrosna fil-laħam il-ħaj tibqa’ kelma ta’ ġid, tibqa’ qamħ anke jekk hi ċkejkna u se tikber u ssir xitla u tagħti kenn lil ħafna. Bħalma l-kelma ta’ min iħobbok tagħtik kenn u faraġ anke meta timmatura.
Illum, aħna u nsellmu lin-nanniet tagħna f’għaqda mal-Papa Franġisku, nitolbu biex l-ewwel nett ikollna qalb kbira mimlija gratitudni għall-ġenerazzjonijiet li ħadmu qabilna imma wkoll ikollna s-sens li ngħaddu dak li rċevejna lil uliedna u lil ulied uliedna.
Intom tafu bħali li qed tagħmel ħafna sħana. Se nagħlaq bi storja ta’ San Ġwann Bosco. Darba kien qed jara lil dan it-tifel bravu Domenico Savio u nduna kemm kien tifel bil-għaqal. Domenico Savio miċ-ċokon xtaq ikun ħabib ta’ Ġesù u xtaq ukoll jagħmel xi penitenza u ta’ tifel ċkejken ta’ xi 10 snin mar għand Don Bosco u qallu: ‘X’penitenza tgħidli biex nagħmel?” San Ġwann Bosco qallu: “X’tagħmel? Meta tkun il-kesħa ssaportiha bil-qalb u meta tkun is-sħana tgħidx ħafna uff”. Tgħid uff bla ma trid ta. Issaportiha wkoll. Mela meta nkunu għaddejjin fit-triq u qisna dħalna ġo forn, niftakru f’Domenico Savio u nieħdu paċenzja, m’hemmx għalfejn inżidu penitenzi oħra.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 12:13,16-19
Salm: 85 (86), 5-6,9-10,15-16a
Qari II: Rum 8:26-27
L-Evanġelju: Mt 13:24-43