L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-qari tal-lum jitkellem fuq it-tlugħ tal-Mulej imma ma jitkellimx fuq it-tluq tiegħu. It-tlugħ tal-Mulej hija l-glorja ta’ Kristu Rxoxt. Fir-rakkont li għandna mill-kitbiet tal-Evanġelista San Luqa, nifhmu li biex ikun hemm xhieda tal-qawmien tiegħu mill-imwiet, għal 40 jum sħaħ il-Mulej deher lid-dixxipli tiegħu jqawwihom fil-fidi li kienet dgħajfa u jagħmel minnhom xhieda tal-qawmien tiegħu mill-imwiet u tal-glorja tiegħu. Imma fl-istess ħin qed jippreparahom biex ikunu huma li jkomplu l-missjoni tiegħu fuq l-art. Hu jwegħedhom il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li aħna se niċċelebraw b’ferħ kbir il-Ħadd li ġej f’Għid il-Ħamsin, 50 jum wara l-Għid. Il-ġrajja tal-lum hija marbuta mal-40 jum wara l-Għid. Tradizzjonalment Lapsi kien jaħbat il-Ħamis. Fil-fatt il-Ħamis li għadda kien propju l-40 jum wara l-Għid. Fi żminijietna u f’ħafna pajjiżi, din il-festa ma nagħmluhiex il-Ħamis imma nagħmluha l-Ħadd ta’ wara, bħal-lum.
“Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù li kien meħud minn magħkom lejn is-sema għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer” (Atti 1:11). “Meħud minn magħkom,” imma xi tfisser din? Jiġifieri Ġesù m’għadux magħna? L-Evanġelju ta’ San Mark, l-iqsar Evanġelju u forsi l-iżjed antik, jitkellem dwar l-aħħar messaġġ ta’ Ġesù lid-dixxipli u jagħtihom lista ta’ għeġubijiet li se jissieħbu lil dawk li jemmnu. Aħna l-Maltin xhieda ta’ dawn l-għeġubijiet li għamel l-Appostlu Pawlu f’isem Ġesù fostna. Il-kelma ta’ Pawlu kienet imqawwija minn dawn is-sinjali: “Iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu, jaqbdu s-sriep b’idejhom” (ara Mk 16:18).
Imma l-Mulej ikompli jaħdem mad-dixxipli u fit-tieni qari smajna tixbieha li l-Knsija tużaha ħafna fit-talb tagħha llum, li ġejja mill-Appostlu Missierna: li Ġesù huwa r-ras tal-ġisem li huwa aħna, il-Knisja. Aħna l-Knisja, il-poplu li jemmen f’Ġesù, aħna l-ġisem tiegħu imma huwa r-Ras li qiegħda fil-glorja tal-Missier. Espressjoni oħra għal dil-glorja hija “qiegħed fuq il-leminija tal-Missier,” espressjoni antika tal-fatt li Kristu Rxoxt qiegħed fil-glorja mal-Missier. Imma fl-istess ħin aħna l-ġisem tiegħu u se nkomplu l-missjoni tiegħu fuq l-art. Hu qiegħed magħna għax il-ġisem mhuwiex bla ras, u r-ras mhix bla ġisem. Ir-ras u l-ġisem huma ħaġa waħda.
Għalhekk, nifhmu li din il-festa hija importanti ħafna għalina biex nifhmu dak li Ġesù jgħid: “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Għax jien, jekk għandi dieħes ma nkunx komdu. Tgħidli, ‘Mhux qed tuġgħek rasek,” imma jekk hemm parti ta’ ġismi li mhix komda, jiena m’iniex komdu. U anke Ġesù. Dak li jingħad li jsir lill-parti minn ġismu, hu meqjus magħmul lilu.
Anke lill-Appostlu Missierna, meta dehrlu fit-triq ta’ Damasku, ma qallux: ‘Għalfejn qiegħed tippersegwita d-dixxipli tiegħi?’ Le, ma qallux hekk. Qallu: “Sawl, Sawl għaliex qiegħed tippersegwitani?” (Atti 9:4). Min jaf kemm ħaseb dwarha dik il-kelma l-Appostlu Missierna u fehem li dak li kien qiegħed jagħmel lid-dixxipli ta’ Ġesù kien qiegħed jagħmlu lil Ġesù. Allura din tgħabbina b’responsabbiltà. Dak li nagħmlu lil xulxin jew kif nitrattaw lil xulxin, Ġesù jqisu qed tittratta direttament lilu.
Il-Papa Franġisku jgħallimna li aħna lkoll ulied tal-istess Missier, u għalhekk aħna parti mill-ġisem ta’ Ġesù. Jekk ir-ras tagħna, ir-ras ta’ dan il-ġisem li huwa l-Knisja, hija tixbieha, qiegħda l-ġenna fil-leminija tal-Missier, il-ġisem kollu dak hu l-passaport tiegħu, dik hi l-identity card. Biex tmur xi mkien ieħor, jiġifieri l-infern, li mhux maħluq għalina, trid tinqata’ minn dak il-ġisem, imma sakemm inti fil-ġisem allura tiekol mill-grazzja ta’ Ġesù, mill-ħniena tiegħu, m’għandekx għalfejn taqta’ qalbek.
Nerġa’ nirrepeti dik it-talba sabiħa li jgħid is-saċerdot: “La tħallinix ninfired minnek”. Din għandha tkun it-talba tagħna għax aħna nibqgħu f’Ġesù minkejja d-dgħufija tagħna. Aħna miksijin bid-difetti imma parti mill-ġisem ta’ Ġesù. Ġesù jaf. Meta jħares lejna, Ġesù għandu xi dieħes jew tnejn u jaf jgħid “aħħ” jew “ajma”, imma għandu wkoll il-glorja tal-imħabba, tal-għożża li nuru għal xulxin.
Il-ħsieb tagħna llum imur lejn Ġerusalemm li f’dawn il-jiem hija t-teatru ta’ feroċja kbira bejn l-aħwa li nsew li huma aħwa. Qed iwaqqgħu d-djar ta’ xulxin, qed joqtlu n-nies ta’ xulxin, f’isem xiex? Wieħed jistaqsi. Aħna mhux qegħdin biex nagħtu raġun lil wieħed u tort lill-ieħor imma nitolbu għall-paċi, għal Ġerusalemm li isem tagħha, Yerushaláyim, fih hemm is-sliem, hemm il-ġustizzja. Imma din il-belt kemm kellha tara taħwid u niket u biki sal-ġurnata mqaddsa tal-lum? Il-post li t-tradizzjoni tgħidilna huwa marbut ma’ din l-esperjenza ta’ tlugh is-sema tal-Mulej, iħares lejn Ġerusalemm. Hija l-Għolja taż-Żebbuġ fuq nett fejn hemm il-knisja jew l-edikola ta’ tlugħ is-sema tal-Mulej u minn hemmhekk il-pellegrini kienu jieqfu jħarsu lejn Ġerusalemm u jibdew jimxu, niżlin l-Għolja taż-Żebbuġ, imbagħod jaqsmu l-Wied ta’ Kedron u jerġgħu jitilgħu għal Ġerusalemm.
Qalbna tmur lejn Ġerusalemm, lejn l-Għolja ta’ Lapsi. Illum nitolbu għall-paċi tal-art li għalina hija mqaddsa għaliex fiha rifsu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, ommu l-għażiża, San Ġużepp, l-appostli tal-Mulej, tant qaddisin, u tant pellegrini. U wkoll tant nies imqarba li qatlu ’l xulxin f’isem ir-reliġjonijiet. Il-Mulej jagħtina li, aħna u nixxenqu, inkunu ras u ġisem fil-glorja tal-Missier, ngħixu ta’ nies, u ngħożżu lil xulxin min issa f’din id-dinja.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 1:1-11
Salm: 46(47):2-3,6-7,8-9
Qari II: Efes 4:1-13
Evanġelju: Mk 16:15-20