-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
-
Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta
29 ta’ Marzu 2018“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi għaliex il-Mulej ikkonsagrani” (Is 61, 1). Din il-frażi għażiża tħabbritilna llum fl-Ewwel Qari u Ġesù stess jagħżilha f’Nazaret biex jipproklama u jħabbar il-programm messjaniku tiegħu. “Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Isaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej: ‘L-ispirtu tal-Mulej fuqi għax hu kkonsagrani’” (Lq 4, 17-18).
Ħafna drabi l-Papa Franġisku jilmenta fuq żewġ tendenzi li qegħdin jikkontaminaw il-ħajja spiritwali ta’ ħafna Nsara, u wkoll il-kultura moderna. U l-Papa Franġisku jħobb juża’ żewġ termini pjuttost tqal li hemm bżonn nispjegawhom imma li fihom intuwizzjoni importanti ħafna. Juża’ żewġ kelmiet b’riferiment għal ereżiji antiki. Jgħid: Neo-Pelaġjaniżmu u Neo-Njostiċiżmu.
Ftit ġimgħat ilu l-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi xandret dokument li jispjega l-ħsieb tal-Papa Franġisku u jipprova wkoll jispjega kif dak li għamel Ġesù u s-salvazzjoni li ġabilna bil-programm messjaniku tiegħu, irridu nħarsuhom minn dawn il-kontaminazzjonijiet, minn dawn l-ideat li jistgħu jtellfu l-qawwa tas-salvazzjoni u r-rivelanza tas-salvazzjoni li ġabilna Ġesù.
Il-qawwa tagħna tiġi mill-Mulej.
Ir-riflessjoni li nixtieq noffri llum tipprova taqsam mal-presbiterju ta’ din id-djoċesi għażiża x’jistgħu jfissru għalina dawn iż-żewġ perikli, għaliex meta nifhmu l-perikli, nifhmu wkoll kemm hi sabiħa r-realtà li aħna qegħdin niċċelebraw. L-insistenza tal-Mulej Ġesù, li huwa kkonsagrat mill-Mulej, hija l-antidodu għal kull tentazzjoni Neo-Pelaġjana. Infisser lili nnifsi: it-tentazzjoni hi li naħsbu li s-salvazzjoni ġejja minna nfusna jew bil-qawwa jew it-tjubija tagħna. Din hija tentazzjoni kbira. Warajha, mingħajr ma niġġudikaw lil ħadd, hemm suppervja sottili, is-suppervja antika tal-għadu li jipprova jipperswadina li aħna awtonomi, liġi għalina nfusna, u li aħna awtosuffiċjenti li bil-kapaċitajiet tagħna nistgħu naslu xi mkien.
Imma l-insistenza tal-Mulej li fuqu hemm il-qawwa ta’ Alla u l-persważjoni li aħna, bħalma tgħid it-talba tal-Knisja llum, “nissieħbu fil-konsagrazzjoni tiegħu” (Kolletta), tipperswadina li aħna qaddejja tiegħu mingħajr ma jistħoqqilna. L-ewwel ħaġa li jgħid l-isqof stess fuqu nnifsu hi: aħna qaddejja ta’ Alla mingħajr ma jistħoqqilna. Għandna qawwa li ġejja minn Alla, qawwa għas-salvazzjoni tal-poplu u t-talba tagħna hija li nħallu lill-Mulej jaħdem fina għall-ġid tal-poplu tiegħu. U kull programmazzjoni li nagħmlu, kull stħarriġ li nagħmlu, irid ibegħedna minn kull tentazzjoni li s-soluzzjoni qiegħda fina, jew fil-kapaċitajiet tagħna, jew fil-pjanifikazzjonijiet tagħna. Il-qawwa tagħna tiġi mill-Mulej. U aħna, li nagħrfu d-dgħufija tagħna, nagħrfu li għandna bżonn is-salvazzjoni tiegħu.
Is-salvazzjoni hija azzjoni qawwija tal-Mulej li tħares lejn iċ-ċokon tagħna u tagħmel fina u fil-qalb tagħna ħwejjeġ kbar.
“Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin, inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” (v. 18). Aħna l-ewwel nies li nidħlu f’din il-kategorija tal-imjassrin, tal-fqajrin, tal-għomja, tal-maħqurin. Aħna għandna bżonn, qabel kulħadd, li tixxandar lilna “s–sena tal-grazzja tal-Mulej” (v. 19). U dan nammettuh u ngħiduh mhux biex naqtgħu qalbna, imma biex infiequ mill-velenu li jġegħelna naħsbu li aħna se nsalvaw id-dinja bil-kobor tal-intelliġenza tagħna, jew bil-qdusija tagħna bħallikieku l-qdusija tagħna tiġi minn ġewwa fina. Is-salvazzjoni hija azzjoni qawwija tal-Mulej li tħares lejn iċ-ċokon tagħna u tagħmel fina, fostna u fil-qalb tagħna ħwejjeġ kbar.
It-tieni tentazzjoni hija dik li nispiritwalizzaw b’mod estrem is-saċerdozju tagħna. In-Neo-Njostiċiżmu jiddisprezza l-ġisem u d-dinja materjali, il-ħolqien u l-ambjent u jfittex soluzzjonijiet spiritwali jew spiritwalisti. Imma f’dan id-disprezz tal-ġisem, tal-ħoqlien u tal-ambjent, hemm ukoll id-disprezz sottili lejn il-misteru tal-inkarnazzjoni, għax il-Mulej, l-Iben ta’ Alla, sar bniedem u għammar fostna, bħalna f’kollox minbarra d-dnub. Hu miet tassew u qam mill-imwiet tassew. Imma l-ħajja spiritwali tagħna trid tkun ħajja ta’ intimità ma’ Alla, il-proċess li bih hu jagħmilna bħalu, dak il-misteru kbir li aħna niċċelebraw kull meta bħala saċerdoti nżidu t-taqtir tal-ilma fil-kalċi tal-inbid u ngħidu: “Dan il-misteru li fih hu jsir wieħed minna”. Aħna nsiru wkoll bħalu, aħna niċċelebraw din ir-realtà.
Aħna wkoll niċċelebraw ukoll il-fatt li l-ispiritwalità tagħna trid tkun spiritwalità konkreta, li l-qdusija tagħna, li tiġi mill-maħfra kontinwa ta’ Alla meta jħares lejn ix-xejn tagħna, trid tgħaddi wkoll mill-lingwaġġ tal-ġisem bħalma huma s-sagramenti li niċċelebraw, bħalma hu ż-żejt li se nikkonsagraw illum u li jidlek il-ġisem tal-Insara, jipprepara l-katekumeni għall-Magħmudija, ifejjaq il-morda tagħna, u jikkonsagra wkoll l-ambjenti li aħna niddedikaw lill-Mulej: il-knejjes tagħna, il-ħwejjeġ qaddisa li noffrulu. Iż-Żejt Imqaddes huwa sinjal li l-Mulej irid li l-ħolqien jipparteċipa fil-lingwaġġ tas-salvazzjoni bħalma jagħmel ukoll bl-ilma fil-Magħmudija, bit-tqegħid tal-idejn fl-ordinazzjonijiet, u anke bil-ħobż u l-inbid fl-Ewkaristija. Il-Mulej jilqa’ l-frott tal-art u x-xogħol tal-bniedem u jqaddsu. Kif nistgħu niddisprezzaw dak li l-Mulej jikkonsagra għalih?
Għalhekk, fl-ispiritwalità tagħna, aħna nevitaw kull awtosuffiċjenza u kull suppervja, imma wkoll id-disprezz tal-ġisem, tas-sesswalità, tal-ħolqien, tal-aħwa, u b’mod speċjali tal-fqar. Jekk il-qalb saċerdotali ma tmidx idha, l-id tal-imħabba lejn il-fqir, mhijiex qed taqdi l-missjoni ta’ Ġesù.
Illum nitolbu biex aħna nilqgħu lill-Mulej bħala s-salvatur tagħna, dak li jifdina mill-jasar, li jagħtina d-dawl, li jagħtina l-veru ħelsien. U nitolbu li, waqt li aħna nġeddu l-impenn tagħna saċerdotali, li huwa impenn ta’ evanġelizzazzjoni, impenn ta’ offerta u ta’ ċelebrazzjoni tal-kult qaddis, imma wkoll impenn ta’ talb, ta’ intimità mal-Mulej, la naqgħu fil-fariżejiżmu li jistrieħ fuq il-merti propji, individwali, u lanqas nirtiraw fi spiritwalità li hija ’l bogħod mid-dinja. Aħna mibgħuta fid-dinja biex inkunu dawl u ħmira bħal kull Nisrani. Aħna nafu li kultant nogħtru u li aħna dgħajfin, imma nemmnu wkoll li bis-Sagrament Imqaddes ta’ Rikonċiljazzjoni li l-Mulej iġedded f’dawn il-jiem, u bil-qawwa tal-Ewkaristija li aħna niċċelebraw ta’ kuljum, il-Mulej jopra l-fidwa tiegħu u għaliha u tagħha nirringrazzjawh.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta -
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Is 61, 1-3a.6a.8b.9
Salm: 88 (89), 21-22.25.27
Qari II: Apok 1, 5-8
Evanġelju: Lq 4, 16-21
-
-
-
-
-
-
Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace