L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġwanni jibgħat domanda li hi attwali ħafna, jibgħat tnejn mid-dixxipli tiegħu għax ma setax imur hu, qiegħed fil-ħabs u lil Ġesù jagħmillu din il-mistoqija: “Inti huwa dak li għandu jiġi jew nistennew lil ħaddieħor? (Mt 11:2).

Din il-mistoqsija toqgħod ħafna f’dan iż-żmien tal-Avvent li smajna kemm-il darba hu żmien ta’ stennija. Ta’ min nistaqsu lilna nfusna: aħna lil min qed nistennnew? Nafu lil min qegħdin nistennew f’dan l-Avvent? “Inti huwa dak li għandu jiġi jew nistennew lil ħaddieħor?” Ġesù nħossu jdawwar naqra d-domanda fuqna. Jgħidilna: ‘imma intom tafu min għandu jiġi, tafuni lili jew qegħdin nistennew lil ħaddieħor, xi idea oħra li għandkom?

Kultant ninnota fuq il-media tagħna, anke barra minn Malta, xi intervisti f’dawn iż-żminijiet mat-tfal tagħna u jgħidulhom: ‘Inti xi tħobb fil-Milied? Ir-rigali. Xi tħobb fil-Milied? Id-dwal sbieħ. Xi tħobb fil-Milied? ll-parties’. Imma ta’ min nistaqsu lilna nfusna: dan kollu għal xiex, għal xiex aħna fil-Milied ’k Alla jrid se nirċievu xi rigal li jogħġobna? Għaliex nagħmlu tiżjin sabiħ fid-djar, fil-pjazez, fil-knisja, għaliex? Għaliex nagħmlu l-parties? Għaliex? Lil min qegħdin nistennew? U nieħu pjaċir li t-tfal tagħna, iż-żgħażagħ jgħiduli: ‘mhux it-twelid ta’ Ġesù, Father?’ Imma aħna nafu min hu Ġesù?

Araw kif jirrispondi Ġesù lil Ġwanni l-Battista li jgħidlu imma “inti dak li qed nistennew jew ma naħlux żmien, noqogħdu nistennew ’il ħaddieħor? Toqgħodx tinkwieta, jekk mhux inti dak li qed nistennew, nistennew lil ħaddieħor. Ġesù jindika dak li kien qed isir permezz tiegħu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu għall-ġid tal-poplu: “L-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra” (Mt 11:5). Din ir-risposta ta’ Ġesù nistgħu ngħidu li hemm fi ftit kliem ħafna minn dak li għamel u għallem Ġesù għaliex kull ħaġa li jsemmi nistgħu ngħaqduha ma’ storja, ma’ rakkont li nsibu fl-Evanġelji.

Min għaddej minn xi mument iebes fil-familja, fuq ix-xogħol, ejjew niftakru fis-sabar tal-bidwi u nistennew lill-Mulej bit-tama qawwija li m’għandniex għalfejn nistennew lil ħaddieħor

Fl-istess ħin hija wkoll konferma li l-profezija sabiħa li smajna fl-ewwel qari (Iż 35:1-6) mill-profeta Iżaija qiegħda sseħħ. Mela jekk qegħdin iseħħu l-wegħdiet, jiena hu, jiena hu dak li nista’ nagħtikom il-ferħ ta’ vera. Għax aħna semmejna affarijiet, ir-rigali, id-dwal, il-parties, li b’xi mod jesprimu l-ferħ. Jiena nagħtik rigal u naqsam il-ferħ tiegħi miegħek u nagħmlek ferħan jew ferħana. Niċċelebraw, indawlu u nżejnu l-ambjenti tagħna għax qegħdin nifirħu anke jekk inkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli, għalina l-Milied jiġi bħala dawl fid-dlam. U hekk ukoll nagħmlu l-parties. Huma sinjali ta’ ferħ. Ġesù qed jgħid: ‘ħalluni naqsam magħkom dan id-don sabiħ tal-ferħ’.

Illum aħna s-saċerdoti nilbsu dan il-kulur li nilbsuh darbtejn biss fis-sena biex propju niċċelebraw dan il-messaġ ta’ ferħ. Isimgħu xi jgħid Iżaija: “Jerġgħu lura l-mifdijin tal-Mulej, jidħlu f’Sijon jgħajtu bil-ferħ, b’ferħ ta’ dejjem fuq rashom. Il-ferħ u l-hena jiksbu u jgħibu swied il-qalb u l-krib” (Iż 35:10). Din il-wegħda tal-profeta miktuba fi żmien diffiċli ħafna għall-poplu ta’ Iżrael, hija wegħda li l-Messija  bil-fejqan li se jġibilna, bir-rebħa tad-dawl fuq id-dlam, se jġib ferħ li ma jeħodulna ħadd. Ħin minnhom hu stess jgħid: “Nagħtikom il-ferħ tiegħi mhux kif tagħtihulkom id-dinja. Il-ferħ li nagħtikom jien ma jeħodulkom ħadd”.

San Ġakbu jagħtina riċetta ħelwa għal dan l-Avvent, hux iż-żmien ta’ stennija? U fil-qari bil-Malti nużaw ħafna l-kelma sabar, paċenzja imma wkoll tama. “Il-bidwi joqgħod b’sabar kbir jistenna l-frott għażiż tal-art” (Ġak 5:7). Min għandu xi għalqa ċkejkna, imqar ġnien, imqar qasrija ċkejkna ilkom nafu kemm trid paċenzja, kemm trid stennija u kemm ukoll qtigħ ta’ qalb. Tiġi x-xita tbierek ’l Alla, jiġi r-riħ kiesaħ tgħid li se jaħraqli kollox, minflok ix-xita jinżel is-silġ, tgħid se jqattagħli l-weraq kollha, se jħarbatli kollox. Fis-sabar hemm ħafna paċenzja imma wkoll hemm ħafna tama.

Huwa dan l-ispirtu li bih nistennew lil Ġesù u għalhekk min għaddej minn xi mument iebes fil-familja, fuq ix-xogħol, ejjew niftakru fis-sabar tal-bidwi u nistennew lill-Mulej bit-tama qawwija li m’għandniex għalfejn nistennew lil ħaddieħor. Il-Mulej bir-raġun ngħidulu: ‘Mulej, inti huwa dak li għandu jiġi biex jagħtina l-ferħ vera jew nistennew ’l ħaddieħor? Inħabbtu bieb ieħor?’ Illum il-Mulej jistaqsina: ‘Intom tafuni li ġej fil-Milied, jew qed tistennew lil ħaddieħor?’

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 35:1-6a,10
Salm: 146 (147):7,8-9a,9bc-10
Qari II: Ġak 5:7-10
L-Evanġelju: Mt 11:2-11