• Nhar is-Sibt 16 ta’ Lulju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra l-Quddiesa ta’ qabel il-purcissjoni, fil- festa tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta.

    Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja tal-Madonna tal-Karmnu, il-Belt Valletta
    16 ta’ Lulju 2016
    F’din il-festa għażiża tal-Madonna tal-Karmnu, l-Ewwel Qari (1 Slat 18, 41-46) propju jpoġġina fuq din l-għolja straordinarjament sabiħa li filfatt hija sensiela ta’ muntanji, imma hemm għolja ħelwa li tikkonkludi dawn is-sensiela ta’ muntanji li għandhom u jġibu l-isem tal-Karmel, isem li, kif tafu, jfisser ġnien mimli fjuri, l-aħħar waħda tħares lejn il-Baħar Mediterran. Fiha hemm ukoll għar li t-tradizzjoni tgħid li jwassal sa’ Elija ‘t-Tisbita’, għax kien minn Tisbi. Hija veduta straordinarjament sabiħa u mal-ewwel tifhem għaliex. Matul is-sekli, dan il-post fejn Elija talab, fejn Elija reġġa’ x-xita fuq l-inxif ta’ Israel, dan il-post fakkar lil ħafna fis-sbuħija ta’ Marija: Stella Maris, il-Kewkba tal-Baħar.
    Is-sbuħija ta’ Marija tgħallimna kemm hu sabiħ Binha Ġesù. Fl-ikonografija tal-Madonna tal-Karmnu – bħal ma hu l-kwadru titulari nkurunat u anke fl-istatwa meraviljuża li nqimu anke fil-purċissjoni llejla – il-Bambin li l-Madonna ġġorr fi ħdanha, jiġbidna lejh bil-ħlewwa tiegħu u bis-sbuħija tiegħu. Is-sbuħija ta’ l-Omm hija riflessa fuq is-sbuħija u fis-sbuħija tat-tifel, imma hi tieħu wkoll mis-sbuħija tiegħu.
    Illum nixtieq insellem lill-Madonna bit-titlu antik tal-‘Eva l-Ġdida’. Eva tfisser Omm il-Ħajjin kollha u Marija, taħt is-salib ta’ Binha kif qrajna fl-Evanġelju tal-lum (Ġw 19, 25-27), hija xhud ta’ dik ix-xmara ta’ demm u ilma li jsaqqu l-ġnien sabiħ tal-Knisja u li jagħti ħajja lill-ġnus kollha. Hija Omm dak li qal: “Jien u l-Qawmien u l-Ħajja” (Ġw 11, 25). Hija Omm dak li qal: “Jien hu t-Triq, il-Verita u l-Ħajja” (Ġw 14, 6). Hija Omm Ġesù, is-Salvatur tagħna.
    U għalhekk, għaliex hija Omm dak li jagħtina l-ħajja mill-ġdid, hija Omm Alla l-Ħallieq tagħna, għaliex hija Omm Ġesù ta’ Nazaret, l-Iben t’Alla magħmul bniedem. Hija tgħallimna kemm hi prezzjuża l-ħajja mill-bidu nett sat-tmiem tagħha skont ir-rieda ta’ Alla. Il-Madonna, Omm il-Ħajjin tgħallimna li rridu nilqgħu l-ħajja bħala rigal mill-Ħallieq, sabiex miegħu aħna l-bnedmin nikkoperaw miegħu, biex ikun hemm ħolqien ġdid u biex ikun hemm bnedmin ġodda. Imma l-kontroll mhux tagħna u la jkun hemm il-bidu tal-ħajja, li huwa rigal li rridu nilqgħuh, mhux noqtluh jew narmuh, jew niffriżżawh biex imbagħad nużawh meta rridu. It-tentazzjoni kbira tagħna hi li malli tibda l-ħajja nħossuna forsi fis-sakra tal-omnipotenza fiergħa tagħna, u nkunu aħna s-sidien tal-ħajja. Aħna qaddejja tal-ħajja mhux sidien tagħha. Dan l-għajjat kollu biex aħna nkunu nistgħu niffrizaw l-embrijuni fuq il-ħajja li għadha tibda. Inti tista’ twaqqfilha l-iżvilupp tagħha u tpoġġieha ġol-friġġ u tgħid: ‘imbagħad meta jkolli bżonnok, jew meta għandi bżonnok jekk ikolli bżonnok noħorġok mill-friġġ u nużak u nħallik tkompli l-mixja tiegħek’. Dik hija ħajja ta’ bniedem, ħuti, mhijiex biċċa laħam, jgħidu x’jgħidu l-għorrief ta’ din id-dinja.
    Anke aħna, jekk irridu nkun responsabbli kif tiġi l-ħajja kif għandna nkunu, il-metodi li nużaw, anke jekk ikunu kontra l-liġi t’Alla, nagħmlu ħilitna biex ma jkunux kontra l-kmandament ‘la toqtolx’. Allura, anke mara meta tagħżel pillola fuq il-parir ta’ tabib għandha mhux biss id-dritt imma d-dover tistaqsih: ‘imma din jekk neħodha hemm ċans li noqtol ħajja li bdiet?’ Għax il-ħajja tibda bit-tnissil tal-bniedem, meta l-bajda tal-mara tiltaqa’ maż-żerriegħa tar-raġel. Min jista’ jifhem, jifhem.
    ‘Omm il-Ħajjin kollha’ huwa titlu sabiħ tal-Madonna li llum għandu messaġġ ħafna qawwi għalina. Il-Madonna taħt is-salib ta’ Binha ma qaltlux, bħalma qalulu l-Kapijiet tal-Lhud: “Inżel minn hemm, inti salvajt lill-oħrajn, salva lilek innifsek” (ara Lq 23, 35). Il-Madonna waqfet ma’ Ġesù sat-tmiem naturali ta’ ħajtu u għalkemm hi ratu jagħmel mirakli kbar – anzi kienet hi li mbuttatu biex jagħmel l-ewwel sinjal f’Kana tal-Galilija – ma ttentatux biex hu jieħu ħajtu f’idejh u jwaqqaf it-tbatija tremenda li kien qed ibati għalina fuq is-salib.
    Aħna rridu nkunu bħall-Madonna, ħdejn is-salib ta’ ħutna li fil-punt tal-mewt tagħhom qegħdin jgħaddu minn tbatija kbira u kważi jokorbu għall-mewt. Aħna nibku magħhom fit-tbatija tagħhom, aħna nagħmlu ħilitna biex it-tbatija tagħhom tittaffa u ħadd ma għandu d-dover juża’ mezzi straordinarji biex il-ħajja tkompli meta hi tgħum fi tbatija kbira. Imma dan ma jagħtiniex dritt intemmu l-ħajja ta’ xi ħadd, jew xi ħadd jieħu ħajtu f’idejh u b’idejħ.
    ‘Omm il-Ħajjin kollha’. Is-soċjetà tagħna qiegħda tiddiskuti l-bidu tal-ħajja u t-tmiem tagħha bħallikieku aħna issa sirna tant bravi li mhux biss nistgħu nkasbru lill-Mulej u ma jiġrilek xejn, imma nistgħu wkoll ninjoraw il-kmandamenti tiegħu. X’jiswa, ħuti, li aħna nimxu wara l-Madonna tal-Karmnu jekk ma nisimgħux il-kelma tagħha u ta’ Binha Ġesù? It-talba tagħna llum hi li hi u turina l-iskapular tagħha, il-mant tal-protezzjoni tagħha, tagħtina d-dawl biex qatt ma nitbiegħdu mis-salib ta’ ħutna meta ħajjithom tkun tgħum fit-tbatija, imma li fl-istess ħin inkunu ta’ sapport għal xulxin u l-Evanġelju tal-ħajja neħduħ bis-serjetà.
    Fl-Ewwel Qari smajna dak iż-żgħażugħ, qaddej ta’ Elija, li jmur fuq il-quċċata tal-Karmel, tħares lejn il-Baħar sabiħ tal-Mediterran. U Elija jgħidlu: “rajt xi ħaġa?”. “Ma rajt xejn, missier”. “Erġa mur”. Imbagħad jgħidlu: “rajt sħaba tiela qiesa keffa ta’ id” (ara 1 Slat 18, 43-44). Elija ma jkasbarx dan is-sinjal ċkejken. “Għid lil Aħab jinżel għax dalwaqt tiġi xita kbira”. Hekk ukoll il-ħajja tal-bniedem: tibda fiċ-ċokon nett, imma għalkemm tibda fiċ-ċokon, hija ħajja ta’ bniedem. Ma nistgħux aħna mmaqdru l-ħajja tal-bniedem fil-bidu tagħha għaliex kollox fiċ-ċokon. Elija dik is-sħaba żgħira ma kasbarhiex, imma ra l-potenzjal tagħha u l-kobor tal-kultura tal-ħajja li nippromwovu u ninkoraġġixxu aħna l-Insara b’sens ta’ servizz anke għas-soċjetà, ma jkasbarx iċ-ċokon tal-bidu imma jara anke fiċ-ċokon tal-bidu, b’dawk il-ftit ċelluli li jibdew mat-tnissil, jiżviluppaw biex isiru bniedem matur, aħna naraw rigal kbir ta’ Alla.
    Sidtna Marija tal-Karmelu, Omm il-Ħajjin kollha, agħtina l-grazzja li f’pajjiżna ċkejken imma bid-dinjità tiegħu, tkompli l-kultura tal-ħajja, biegħedna mill-kultura tas-suppervja u mill-kultura tal-mewt. Ammen.
     
    ✠ Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja; Carl Farrugia