L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta” (Lq 10:38). Hawnhekk, fl-Evanġelju skont San Luqa, għandna din il-ġrajja meta Ġesù jmur għand familja ħbieb tiegħu: Marta, flimkien ma’ oħtha Marija, u kellhom ukoll lil ħuhom Lazzru li ma jissemmiex f’din iċ-ċirkustanza imma jissemma f’mumenti oħra. Din is-silta nsibuha biss f’San Luqa, u turina, qabel xejn, l-ospitalità – kif din il-familja kienet tilqa’ bil-ferħ lil Ġesù.

Nixtieq li nħarsu lejn dawn it-tnejn, Marta u Marija, ħa naraw kif Ġesù jagħmel enfasi fuq x’għandu jiġi l-ewwel, “l-aħjar sehem” (Lq 10:42) f’din is-silta. Marta hija dik li laqgħetu għandha. Marija, jgħidilna l-Evanġelju, l-ewwel ħaġa li għamlet kif Ġesù daħal għandhom hi li “niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid” (Lq 10:39). L-ewwel ħaġa. Ħalliet kollox, qagħdet hemmhekk bilqiegħda tisma’ lilu. Għaliha li kien importanti hu li ġie, issa trid tisma’ lilu.

Marta, min-naħa l-oħra, dik li laqgħetu għandha, l-ewwel ħaġa li għamlet hi li bdiet tagħmel il-ħafna xogħol tad-dar. Naturalment, nimmaġina li għalih stess. Kienet qed titħabat biex Ġesù jsib ambjent aħjar, forsi anke għall-ikel. Kellha ħafna x’tagħmel. Imma mhux biss. Meta rat lil Marija hemm bilqiegħda f’riġlejn Ġesù, qalet: tajba, jiena naħdem, u din hemmhekk ma tagħmel xejn! U lil Ġesù qaltlu: “M’intix qed tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!” (Lq 10:40). Issa kulmin ikun involut fix-xogħol tad-dar jifhimha lil Marta; speċjalment jekk tkun persuna li tagħmel ħafna xogħol u tara lil xi ħadd id-dar, qiegħed bilqiegħda, jara t-television, ma jagħmel xejn, u tgħid: ma tistax tgħinni naqra? Dan kien is-sentiment ta’ Marta, u nifhmuha.

Imma importanti ħafna nifhmu x’ried jgħid Ġesù meta lilha qalilha: “Int taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ. Imma waħda hi meħtieġa, u Marija għażlet l-aħjar sehem…” (Lq 10:41-42). X’ried jgħid Ġesù? Ġesù mar għandhom, u l-ewwel ma ried: min jisimgħu. Mhux min jaħdem għalih, imma l-ewwel min jisimgħu. U Marija kienet dik li qagħdet tisimgħu. Kien importanti x-xogħol tad-dar, imma l-ewwel ma ried kien min jisimgħu.

Dan hu messaġġ tajjeb ħafna għall-ħajja tagħna. Anke aħna stess saċerdoti, li x-xogħol tagħna hu li naħdmu għall-Mulej, l-ewwel ma jrid minna – imma anke minn kull Nisrani u Nisranija – hu li jkollna l-ħin ma’ Ġesù li nisimgħuh, qabel naħdmu għalih, qabel nagħmlu xogħol li hu tajjeb fih innifsu. L-ewwel nisimgħuh. Għaliex meta nisimgħuh, jiġifieri meta jkollna l-ħin miegħu fit-talb, fis-skiet, imbagħad hu jilluminana: x’inhu l-iktar importanti, x’jiġi l-ewwel, kif għandna naħdmu, b’liema spirtu għandna naħdmu. Ara d-differenza. Għalhekk Ġesù jgħid: “għażlet l-aħjar sehem” (Lq 10:42). Aħna għandna bżonn dal-ħin miegħu, fis-skiet, fil-kwiet, fejn nisimgħuh u nitkellmu miegħu ħalli l-Mulej imbagħad jgħinna biex ix-xogħol nagħmluh tajjeb, nagħmluh b’dedikazzjoni, imma nagħrfu wkoll dak li jiġi l-ewwel, li hu l-iktar importanti, u nagħrfu wkoll kif għandna naħdmu, b’liema spirtu għandna nagħmlu x-xogħol, anke jekk qed nagħmlu xogħol li hu ta’ ġid. Hu importanti li jkollna din l-għajnuna mingħand il-Mulej li jispirana. Għalhekk il-ħin li ngħaddu miegħu qatt mhu ħin mitluf, jew ħin sekondarju, imma jiġi l-ewwel, l-iktar ħaġa meħtieġa – kif jgħid Ġesù: “l-aħjar sehem”.

Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-ġrajja sabiħa ta’ dawn iż-żewġt aħwa. Nitolbuh li jkollna dan l-ispirtu li kellhom huma, flimkien ma’ ħuhom Lazzru, li jilqgħu lil Ġesù – din l-ospitalità sabiħa għax Ġesù kien ħabib tassew tagħhom. Imma nitolbuh ukoll biex nieħdu l-parir li jagħti Ġesù: li l-ewwel inkunu miegħu u nisimgħuh, imbagħad hu jurina kif għandna naħdmu, b’liema spirtu, b’liema ħeġġa, ħalli x-xogħol li nagħmlu jkun tassew ta’ ġid.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju