It-tielet edizzjoni tal-Caritas Run For Life 2025 saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, hekk kif il-bibien taċ-Ċentru Terapewtiku ta’rijabilitazzjoni mid-droga f’San Blas infetħu beraħ biex laqgħu baħar ta’ persuni li pparteċipaw f’din l-attività annwali.

Din is-sena l-attività rat rekord ta’ iktar minn 1,300 parteċipant, maqsuma bejn dawk li għażlu jagħmlu ġirja ta’ 5km jew 10km, oħrajn li mxew 4km jew 5km u t-tfal b’ġirjiet ta’ kilometru u 2.5 kilometri.

Caritas Run For Life tippremja lil ħafna f’etajiet differenti fl-ewwel, it-tieni u t-tielet post. Ukoll ingħata trofew fl-ewwel, it-tieni u tielet post lill-clubs bl-ogħla parteċipazzjoni fejn l-ewwel post ġie The Club, it-tieni post ġie Obstacle Course Academy u Aloysians Athletics Club. Il-Convenience Shops ħa rikkonoxximent għall-iktar kumpanija li ħeġġet impjegati jattendu għall-Caritas Run For Life 2025.

Madwar 5 t’ijiem qabel id-data ta’ 2 ta’ Marzu, l-organizzaturi kellhom jieħdu d-deċiżjoni li jagħlqu l-bookings peress li l-attività laħqet il-massimu ta’ parteċipanti. Din l-attività kienet possibbli grazzi għal numru kbir ta’ benefatturi fosthom Convenience Shops u b’kollaborazzjoni kbira ta’ Sport Malta u St Patrick’s Athletic Club flimkien ma’ numru kbir ta’ voluntiera li taw sehemhom.

L-iskop ta’ Caritas Run for Life huwa: kampanja għal ħajja attiva u sana ’l bogħod mid-droga biex tħeġġeġ nies jibdew u jkomplu fl-isport; ġbir ta’ fondi għas-servizzi ta’ Caritas Malta li huma kollha bla ħlas għall-iktar vulnerabbli; u lenti fuq il-ħidma tal-Komunità Terapewtika ta’ San Blas u l-Komunitajiet Terapewtiċi kollha ta’ Caritas.

Caritas Run For Life 2025 rat il-parteċipazzjoni tal-Onorevoli Prim Ministru ta’ Malta Robert Abela li għamel il-ġirja tal-10km, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-President Emeritus George Abela li għamel il-mixja ta’ 5km.