-
-
***
Direttur: Benny Boom
Atturi: Demetrius Shipp Jr., Dunai Gurira, Lauren Cohan, Jamie Hector, Annie Illonzeh, Jamal Woolard u Kat Graham
Ħin tal-Film: 140 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Tupac Shakur twieled fis-sena 1971, ġewwa familja ta’ attivisti magħrufa bħala Black Panthers. Ommu Afeni tħarrġu minn ċkunitu biex jirreaġixxi meta jara inġustizzji u diskriminazzjoni u fejn ikun hemm bżonn, anke jaċċetta l-użu tal-vjolenza jekk tinqala l-ħtieġa. Tupac trabba f’din l-atmosfera u għalkemm il-ħajja mill-bidu nett ma kienitx faċli, Tupac, bħala student, wera ħila li anke wasslitu għal suċċess fit-teatru meta kien ħadem il-parti prinċipali fid-dramm “Hamlet”. Iżda jibqa’ dejjem il-fatt li l-ambjent fejn trabba ma għenx l-aktar fejn l-imġieba tal-pulizija fil-konfront mas-suwed kienet twassal biex wieħed jirvella u jgħaddi għal azzjoni vjolenti. Għalhekk wieħed ma jiskantax li Tupac kiber b’mentalità militanti. Meta ġie arrestat ġewwa Oakland għal sempliċi raġuni għax qasam it-triq mingħajr ma ta kas tat-traffiku, għaliex kien iswed, spiċċa arrestat. Is-sadiżmu li l-pulizija kienu juru lejn is-suwed hi xi ħaġa li ma titwemminx.
Tupac beda jibbrilla fil-kant rap u ma jdumx li jieħu l-fama bħala mexxej attivist fl-era ġdida li kienet dieħla dak iż-żmien magħrufa bħala rap-as-racial politics. Għal Tupac, dan it-tip ta’ kant, iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, iktar sar konxju tiegħu nnifsu waqt li kien qiegħed jagħti preżentazzjoni quddiem sala mimlija nies. Tupac jinbidel fi bniedem ħażin u jsir brigant u qies ruħu bħala bniedem-alla divinizzat. Tupac jispjega dan l-istil ta’ ħajja u fl-istess waqt jiddefendih f’intervista li għamel meta kien il-habs għal disa’ xhur fil-Faċilità Korrettiva fi Clinton fl-1995. Matul din l-intervista jingħata ħjiel permezz ta’ flashbacks tal-ħajja ta’ Tupac meta kien għadu tifel ġewwa New York, iċ-ċaqliq bl-iskossi meta ommu tiċċaqlaq għal Baltimore u Oakland, il-ħbiberija ma’ Jada Pinkett li jsir jafha fiż-żgħożija, meta jiġi mitlub biex jingħaqad ma’ Digital Underground u fl-1992, meta ħa parti fi dramm antisoċjali: Juice. Biex forsi joħroġ minn dan l-inkwiet, Tupac jidħol fi sħab ma’ Marion “Suge Knight” li kien bniedem bla kuxjenza, li jmexxi kumpanija bl-isem ta’ Death Row Records. Topac hawn jikseb l-ikbar suċċessi iżda wkoll kien ifisser li sejjer jagħmel ħafna għedewwa. U fil-fatt x’jiġri minn hawn?
Film Amerikan, biografija drammatika ta’ Tupac Shakur, hu taht id-direzzjoni ta’ Benny Boom, kitba ta’ Joseph George Karmo. Minħaba kliem goff, vjolenza, xeni ta’ sess, ħajja bla rażan kif ukoll abbuż ta’ droga u xorb, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.