•  

    L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Knisja Parrokkjali tal-Kalkara

    9 ta’ Lulju 2017

    “L-ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom” (Rum 8, 9). Din hija kelma qawwija ħafna tal-appostlu Missierna San Pawl. Qed jikteb lir-Rumani qabel ma jibda jgħix hemmhekk fl-aħħar jiem ta’ ħajtu. Kif nafu, Ruma huwa l-post fejn il-Mulej isejjaħlu biex jagħti l-aqwa xhieda tal-imħabba u l-fidi tiegħu bil-mewt ħarxa tal-martirju.

    In-nies, il-poplu għażiż tagħna, jaf jagħraf is-saċerdot li fih jgħammar l-ispirtu ta’ Kristu.

    “L-ispirtu ta’ Kristu, l-ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom”. Din hija kelma, għażiż kappillan, għażiż Fr Brian, li nixtieq nagħtik f’dan il-jum għażiż ta’ meta inti tieħu pussess ta’ din il-parroċċa, u din il-parroċċa tieħu pussess tiegħek. Il-kelma “pussess” hija forsi antika, forsi llum ma tinftiehemx mill-ewwel; hija li inti tagħti ħajtek bħala r-ragħaj ta’ din il-familja Nisranija, imma fl-istess ħin ħajtek tinħakem minn din il-ħeġġa li tagħti ħajtek. Dan huwa poplu għażiż afdat f’idejk u l-poplu tal-Kalkara, ta’ din il-parroċċa, iddedikata lill-patrijarka San Ġużepp, tixtieq u għandha d-dritt issib fik bniedem li jgħammar fih l-ispirtu ta’ Alla.   

    In-nies, il-poplu għażiż tagħna, jaf jagħraf is-saċerdot li fih jgħammar l-ispirtu ta’ Kristu. Mhix kwistjoni tal-ordinazzjoni biss. Il-poplu tagħna jaf jagħraf saċerdot li ma’ Kristu jħossu minn ta’ ġewwa u jieħu pjaċir u jifraħ meta lill-kappillan jarah jitlob quddiem is-Sagrament biex jinterċedi għall-familji tal-parroċċa, għaż-żgħażagħ, għall-morda, għal dawk kollha li għandhom bżonn it-talb tiegħu.

    Bħal Mosé, li l-ħin kollu jdejh merfugħa fit-talb minkejja l-għajja, jinterċedi għall-poplu, u bħalma għamel Ġesù fl-Evanġelju li għadek kemm ħabbartilna, ifaħħar “lill-Missier, Sid is-sema u l-art, għax il-ħwejjeġ tal-Mulej jurihom liċ-ċkejknin” (ara Mt 11, 25), liċ-ċkejkin li imma għandhom qalb kbira biex jagħrfu l-leħen ta’ Ġesù fik u jaraw ukoll ix-xbieha sabiħa tiegħu fil-ħajja tiegħek.   

    “Ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jgħaraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafulu” (v.27). U Ġesù jagħtik żewġ kelmiet oħra, għażiż kappillan, għażiż Fr Brian. Jgħidhom lilna lkoll imma llum jgħidħom lilek b’mod speċjali: “Ħu fuqek il-madmad tiegħi u tgħallem minni” (v.29).

    Fl-Evanġelju, il-kelma kienet għal kull wieħed u waħda minna “ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni”, imma din hija kelma wkoll speċjali għalik: ħu fuqek il-madmad ta’ Ġesù u tgħallem minnu. Il-madmad ta’ Ġesù, qabel xejn, huwa l-madmad tal-ubbidjenza lejn l-Isqof tiegħek, mhux għal wiċċu, imma għax huwa l-Isqof tiegħek; mhux għax hu gustuż jew għaref jew injorant jew baħnan, imma għax hu l-Isqof tiegħek. Il-Mulej, b’mod misterjuż u kultant li ma nifhmuhx, se jpoġġi fuq spallejk il-madmad ta’ Ġesù f’isem l-ubbidjenza li inti wegħedt fl-ordinazzjoni tiegħek.

    Jekk inti, meta tikkatekizza lill-għarajjes, titlobhom iħaddnu bil-qalb u mhux bilfors il-fedeltà, ftakar li dak li qed titlobhom trid tgħixu inti billi tieħu fuq spallejk, bil-ferħ u mhux bilfors, il-madmad tal-ubbidjenza. Huwa madmad li jorbtok ma’ Ġesù; il-madmad ta’ Ġesù huwa dak li jorbtok miegħu, li jagħtik id-direzzjoni, jagħtik ukoll l-għajnuna biex meta inti tħossok qed togħtor, hemm xi ħadd marbut miegħek bl-istess madmad li se jsostnik.   

    Il-qalb umli hija dik li tagħraf id-dgħufija tagħna ta’ bnedmin li aħna, li ma tistħix titlob maħfra […] għad-dnubiet personali u tal-komunità.

    Imma Ġesù jgħidlek ukoll biex titgħallem minnu u jgħallmek żewġ atteġġjamenti li l-poplu ta’ Alla għandu bżonn jisma’, jara, jifhem, u jħoss. “Tgħallem minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” ( v. 29). Il-ħlewwa tal-qalb tas-saċerdot, il-ħlewwa tal-qalb tal-kappillan mhix dgħufija, lanqas hija leġġerezza; il-ħlewwa tal-qalb huwa ta’ min hu b’saħħtu, jaf jagħder u jħenn, jaf jissaporti, jaf ukoll jieħu deċiżjoni u jitlob mill-komunità fedeltà u anke lealtà. Għax il-qalb ħelwa mhix diskors tad-dgħajfin imma ta’ min hu b’saħħtu biżżejjed biex jaħfer dejjem lil kulħadd bla waqfien. 

    Il-qalb umli hija dik li tagħraf id-dgħufija tagħna ta’ bnedmin li aħna, li ma tistħix titlob maħfra, ħafna drabi waqt il-quddiesa, għad-dnubiet personali u tal-komunità. L-umiltà tagħmilna nies u tiftaħ il-qalb ta’ ħafna nies. Is-suppervja tbiegħed, l-arroganza hija velenu li joqtol. Mis-saċerdot il-poplu t’Alla għandu bżonn kappillan ta’ qalb umli.

    Il-Mulej iwiegħed lill-komunità tiegħu l-mistrieħ għal ruħkom, hekk jgħid: “Tgħallmu minni għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom”. Kemm ikollna iżjed mistrieħ tal-moħħ u tal-qalb jekk aħna nuru ħlewwa u umiltà ma’ xulxin, bejnietna f’kull ma nagħmlu.        

    “Il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (v.30). Ġesù ma jneħħix il-madmad, Ġesù mhux se jneħħilek it-toqol, anzi qiegħed jgħabbik pjuttost iżjed illum, imma qed iwiegħdek ħlewwa u ħeffa fil-madmad u fit-toqol. Minn fejn ġejjin dawn, biex ngħidu hekk, l-elementi li wieħed jinkoraġġuh jidħol għall-madmad u għat-toqol? Ġejja mill-imħabba tal-Mulej għalik u mill-imħabba tiegħek għalih u għall-poplu tiegħu. L-imħabba tiegħek lejn is-saċerdozju tiegħek, Fr Brian, lejn dan l-element missjunarju qawwi li hemm fil-qalb tiegħek, fil-moħħ tiegħek, fl-essperjenza tiegħek, tagħmel li dan il-madmad tal-ubbidjenza jsirlek ħelu u t-toqol tar-responabbiltà ikunlek ħafif.        

    Għażiż Fr Brian, nafdak f’idejn Sidtna Marija u f’idejn San Ġużepp; f’idejn aħjar f’min nafdak ma nsibx.

    Jiena nixtieq nirringrazzja ħafna lill-Monsinjur Paul Raggio tal-għajnuna li dejjem ta lill-kappillani ta’ qablek, uħud minnhom qegħdin hawn, nirringrazzjahom ukoll f’isem il-poplu tal-Kalkara. Qiegħed nara lil Fr Ronnie, u lil Fr Anton, u anke lil Dun Ġużepp Farrugia. F’isem il-poplu tal-Kalkara nirringrazzjakom ta’ dak kollu li għamiltu għal dan il-poplu. Obdejtu lill-isqfijiet ta’ qabli u anke lili, speċjalment Fr Ronnie, li issa viċi rettur tas-Seminarju, u l-poplu huwa grat għax-xhieda sabiħa u saċerdotali tagħkom. Imma jiena nixtieq nirringrazzja b’mod speċjali lill-Monsinjur Raggio, għaliex mingħajr ħafna għajat u storbju, kien dejjem ta’ spalla hawnhekk, preżenza sabiħa li aħna ninkoraġixxu. Nirringrazzjak, Monsinjur għax ħafna drabi l-isqof jiġi u jinsa jgħid grazzi. Jien ma rridx ninsa ngħid grazzi.

    Għażiż Fr Brian, nafdak f’idejn Sidtna Marija u f’idejn San Ġużepp, f’idejn aħjar f’min nafdak ma nsibx. Jalla intom ukoll tibdew iċ-ċelebrazzjonijiet qaddisa tal-festa solenni tal-patrun tal-Knisja universali, San Ġużepp, titolbu biex minn din il-parroċċa jkollna iżjed saċerdoti. Qed nara lil Fr Gilbert. Dawn huma rigali sbieħ tal-parroċċa lill-Knisja u lil Ġesù u żgur li l-glorja ta’ San Ġużepp fis-sema tiġi wkoll minn tant devozzjoni sinċiera u ħabrieka ta’ dan il-poplu li għandu tempju maestuż; jiena dejjem nissaħħar bis-sbuħija ta’ din il-knisja sabiħa, imma fl-istess ħin, peres li għandu knisja sabiħa, għandu wkoll responsabbiltà jieħu ħsiebha, li mhix żgħira.

    Jiena nixtieq nirringrazja lill-awtoritajiet, hawn il-Ministru Mizzi, li nsellimlu anke tax-xogħol li sar mill-Istat, mill-Gvern biex ikun hemm zuntier verament dinjituż u sabiħ. U nawguralek Fr Brian li bħall-kappillani ta’ qablek, tkompli tgawdi dan is-sapport. Hawn ukoll is-Sindku, insellmilha. Mal-awtoritajiet ċivili aħdem flimkien magħhom, aħdem għall-ġid ta’ dan il-poplu għażiż.Nafda fil-karattru sod tiegħek, għax inti taf tħaddem ukoll dawn l-iskills sbieħ li tak il-Mulej, biex kulħadd jaħdem id f’id fl-għaqda, b’lealtà u b’fedeltà. Kun imbierek, ibni.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta