L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Iż-żewġ sinjali li ssieħbu l-kelma li ħallielna Pawlu huma propju l-ħelsien mill-lifgħa velenuża u l-fejqan ta’ missier Publiju u tal-morda kollha tal-gżira. Huma dawn iż-żewġ sinjali fost il-lista li jsemmi Ġesù fl-Evanġelju li għadna kemm smajna, li jsiru sinjal tal-qawwa tiegħu u tal-preżenza tiegħu fostna. Illum f’dan il-jum solenni tal-10 ta’ Frar, nitolbu lill-Mulej ikun għalina salvatur u jkun għalina emanuel. Ikun salvatur għaliex jeħlisna u jsalvana minn dnubietna, mid-dlamijiet tal-qlub u tas-soċjetà tagħna. Imma jkun ukoll emanuel – Alla magħna.
Fl-innu Malti, li s-sena li għaddiet għalaq 100 sena, Dun Karm f’din it-talba sabiħa li kkompona u li hi parti mill-identità nazzjonali tagħna, talab lill-Mulej biex ma jinsiex li lilna libbisna bid-dawl ħelu, anzi bid-dawl l-iżjed ħelu – “l-oħla dawl” – li hu d-dawl tal-Evanġelju, id-dawl ta’ Ġesù Kristu. U talab lill-Mulej ukoll li jkompli jħarisna dejjem.
Fit-tieni strofa tal-Innu Malti, Dun Karm talab lil Alla jagħtina ħames doni. Aħfruli, imma dis-sena se tisimgħuni nirrepeti ħafna dawn il-ħames doni. Kien hemm xi ħadd qalli: ‘Mela waqfitlek id-diska, Dun Charles? Se toqgħod tirrepeti? M’għandekx iżjed ideat.’ Imma fuq dawn il-ħames doni, aħna l-Isqfijiet nixtiequ nsejsu wkoll ċ-ċelebrazzjoni tagħna l-Maltin bħala 60 sena stat indipendenti, 50 sena repubblika. Tajjeb li f’din il-festa, tant għażiża għalina l-Maltin, li tlaqqa’ lill-Maltin fid-dinja kollha kull fejn jinsabu, fl-10 ta’ Frar il-Maltin u l-Għawdxin inħossuna tassew dak li aħna għax din hi festa propju tagħna.
Qed niċċelebraw xi ħaġa li qiegħda fl-Iskrittura u seħħet fostna. Naqraw tant affarijiet fil-Bibbja u ngħidu dak il-post fejn kien. Illum qed niċċelebraw xi ħaġa li qiegħda fil-Kelma t’Alla, fl-Atti tal-Appostli Kap. 28 u ġrat fostna. Allura għandna għax nifirħu u nkunu anke kburin imma għandna wkoll responsabbiltà kbira.
Sinjur Alla… Għandna bżonnok biex nuru ħniena ma’ xulxin. Għandna bżonnok biex ikollna s-saħħa fir-ruħ, fil-moħħ u fil-ġisem.
X’inhuma dawn il-ħames li se nkompli ntenni? Huma d-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem. Fil-parroċċi kollha f’dawn il-ġranet se titqassam santa bis-salib li jiġbor dawn il-ħames doni li fuqha hemm miktub “Lil din l-art ħelwa”, “Ħares Mulej”, “Agħti kbir Alla” għax dawn il-ħames doni huma doni t’Alla. Aħna rridu naħdmu magħhom biex ikollok id-dehen, ikollok il-ħniena, ikollok l-għaqda u s-sliem – inti trid tagħmel il-parti tiegħek. Imma ejjew naħsbu li mingħajr Alla ma nistgħu nagħmlu xejn.
San Ġorġ Preca kien iħobb jirrepeti: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok!”. Jiena f’isem il-poplu Malti lil Alla, bl-interċessjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl, illum hekk ngħidlu lil Alla: Għandna bżonnok. Għandna bżonnok biex ikollna d-dehen. Għandna bżonnok biex nuru ħniena ma’ xulxin. Għandna bżonnok biex ikollna s-saħħa fir-ruħ, fil-moħħ u fil-ġisem. Għandna bżonnok biex inkunu magħqudin flimkien. Għandna bżonnok biex ikollna d-don tal-paċi, id-don tas-sliem.
F’dan il-jum li f’xatt il-baħar
Pawlu farfar għal ġon-nar
Lifgħa kiefra li b’gidmietha
riedet toqtol ’il-Ħabbar.
Dlonk niftakru fl-Oħla Dija
li b’tant ħlewwa int sawwabt
fuq dil-gżira, Ommna mbierka,
waqt li l-morda int sabbart.
Dehen il-prinċep ta’ dil-ġemgħa
Int kattart bid-don tal-Ħniena!
Saħħaħ dejjem l-id għajjiena
Kattar ġensna b’barka emiena!
Seddaq fostna il-Għaqda mas-Sliem
Rodd ix-xenqa għall-glorja bla tmiem.
Viva San Pawl!
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Għerf 14:3-7
Salm: 106:21-31
Qari II: Atti 27, 16-28, 10
L-Evanġelju: Mk 16:15-20