L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Dan il-pellegrinaġġ qegħdin nagħmlu xi ħaġa għażiża għalina, li ilna ftit ma nagħmluha. Inħeġġiġkom biex anke għad-Duluri, u fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa, aħna nieħdu sehem b’devozzjoni kbira bħalma għamilna llejla.
Xi rridu ngħidu bil-preżenza tagħna? Jiġuni dawn iż-żewġ talbiet għeżież li nixtieq noffrihom għalina lkoll. L-ewwel nett, fil-mixja tagħna wara x-xbieha għażiża u devota ta’ Ġesù Redentur, lil Alla qegħdin ngħidulu talba għażiża: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Kemm tkun ħaġa sabiħa li din it-talba nnaqqxuha fil-qalb tagħna – intom tafu li din hija talba li għallimna San Ġorġ Preca – u li nifhmuha. Li nifhmu wkoll bħalma qalilna hu stess: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). Għandkom bżonni. L-ewwel nett għax hu Alla: jafna, iħobbna, ħalaqna, fdiena, u d-destin tagħna huwa Hu: Alla. Aħna li nammettu li għandna bżonnu mhux qed inkasbru lilna nfusna, imma qed ngħidu verità kbira: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’.
It-tieni, il-preżenza tagħna llum – u nixtieq ukoll li naħsbu f’din it-talba li tant nirrepetuha f’dawn il-ġranet – hija sinjal ta’ mħabba, ta’ devozzjoni lejn Ġesù tal-gratitudni lejh: ‘Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna’. Mela mhux biss lil Alla qegħdin ngħidulu li jien għandi bżonnok, imma wkoll qed nifhem, li meta aħna bħala familja tal-bnedmin waqajna fl-għaraq biss tal-ħtija u tal-inkwiet li ġibna b’idejna, il-Mulej refagħna; anzi, “rafa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna” (Iż 53:4), ħelisna mid-dnub tagħna.
Meta tmorru quddiem Ġesù Redentur illejla, u tgħidu dik it-talba, nissuġġerilkom taqraw il-kitba sabiħa minn Iżaija, kapitlu 53, li hemm miktub proprju fuq il-bradella tar-Redentur. Għax ir-Redentur huwa mgħobbi bis-salib, imma s-salib ifisser, mhux biss il-kundanna inġusta li tajnieh, imma wkoll it-tbatija bid-dnub, bil-mard, il-mewt li aħna nitgħabbew bih. Ejjew nitolbuh, Hu li tgħabba bin-niket tagħna, ġar fuqu l-mard tagħna, rafa’ fuqu d-dnubiet tagħna, u ħelisna minnhom. Ejjew nitolbuh li aħna nersqu lejn dik il-mediċina li tana u li teħlisna tassew mid-dnub. Dan huwa s-Sagrament tal-Qrar.
Trid tkun devota, devot tar-Redentur? Qis li f’dan l-Għid Qaddis tersaq lejn il-Qrar. Din tkun ħaġa sabiħa li tagħmel b’mod regolari fil-ħajja tiegħek. Kulħadd kif jista’ u kemm hemm bżonn. Li nersqu lejn il-Qrar, qegħdin nersqu lejn il-Qalb Ħanina ta’ Ġesù, li jafna, li jagħdirna, li jħobbna, u li jaħfrilna. Nitolbu għalhekk ħafna għas-saċerdoti biex il-Mulej jagħtihom dawl, imħabba, paċenzja, ħalli jilqgħuna lilna midinbin. U huma wkoll isibu min jilqagħhom. Għax aħna wkoll għandna bżonn li nqerru, l-aħwa.
M’ilux kien hemm ġurnalista. Tafu intom, il-Papa għalaq għaxar snin Papa. Għada se nagħmlulu quddiesa San Ġwann biex nitolbu ħafna għalih. Għada l-Quddiesa fid-9.30 ta’ filgħodu, min jista’ jiġi. Kien hemm xi ħadd li qallu: ‘Nimmaġinak li inti, meta tqerr, il-qrara tiegħek tkun ħafifa ħafna, għax inti Papa. Il-Qdusija Tiegħu qallu: ‘Mhux aħjar ma nidħlux fiha din! Għax allaħares jisimgħu l-qrar tiegħi n-nies’. U waqaf hemm il-Papa. Għamel sew.
Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nersqu lejn Ġesù, u nħalluh iħaddanna bil-ħniena tiegħu; jiflaħ. Hu għandu għatx għall-imħabba tagħna. Mela, f’dan ir-Randan niftakru f’dawn iż-żewġ talbiet: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’, ‘Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna’.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-Quddiesa
Qari I: Ħos 14:2-10
Salm: 80 (81):6ċ-8a,8bċ-9,10-11ab,14 u 17
L-Evanġelju: Mk 12:28b-34