Il-Papa Franġisku rrifletta dwar il-ħniena ta’ Alla, quddiem it-tema tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu, sinonima max-xahar ta’ Ġunju. Meta kien qed iwassal il-messaġġ lil dawk miġbura fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, waqt il-ħin tal-Angelus, il-Kap tal-Kattoliċi rrefera għall-vanġelu tal-ġurnata fejn Ġesu juri l-ħniena u l-imħabba – l-attitudni ta’ Alla quddiem il-miżerja, it-tbatija u l-ansjeta tal-bniedem.
Il-Papa jkompli jfisser it-terminu ‘kompassjoni’, użat fil-Bibbja, speċifikament fil-liturġija tal-ġurnata, b’Ġesu jqajjem mill-mewt lit-tifel tal-armla. Fi kliemu, Alla jħares lejn il-bniedem bi ħniena kbira u jħeġġiġna nirrikorru lejn Ġesu.
Wara r-reċita tal-Angelus, il-Papa kkummenta dwar il-beatifikazzjoni ta’ żewġ reliġjużi Pollakki, li kienu bbeatifikati fi Krakovja, il-Polonja – fundaturi tal-Kongregazzjoni tal-Verġni għall-preżentazzjoni ta’ Marija Verġni u tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet ta’ Omm Alla rispettivament. Sellem ukoll lill-pellegrini li ġew quddiemu mill-Italja u minn madwar id-dinja kollha.