L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
F’dan il-jum għażiż inġbarna biex nagħtu qima lill-Madonna f’dan is-Santwarju tal-Madonna tal-Mirakli u nfakkru kemm il-Madonna tieħu ħsiebna. It-tradizzjoni antika, li hija wkoll dokumentata fil-parroċċa tagħna tgħid li minn dak l-inkwadru ħareġ għaraq u kien mument ta’ inkwiet. L-Isqof ta’ dak il-post u anke l-awtoritajiet ħassew li dak li ġara kien ukoll sinjal tal-viċinanza tal-Madonna mal-poplu tagħna. Din is-sena qegħdin infakkru l-festa fit-13 ta’ Mejju, li hija wkoll l-ewwel dehra tal-Madonna ta’ Fatima, lejliet Jum l-Omm. Nistgħu nimmaġinaw dawn il-koinċidenzi feliċi kollha, x’messaġġ jistgħu jagħtuna.
L-omm li ma tafx tinkwieta imma li tieħu ħsieb. Ejjew ikollna din il-fiduċja u dan il-faraġ, li fl-omm ta’ Ġesù għandna omm li għandha din il-missjoni: li tkun l-omm ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Il-Mulej taha din il-missjoni meta kienet ħdejh, “ħdejn is-salib” (Ġw 19:26). Ma afdahiex lil oħtha, għax kienet hemm. L-Evanġelju ta’ San Ġwann, f’kapitlu 19 jgħid: “Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala” (Ġw 19:26). Mela kien hemm oħtha ħdejha. Imma Ġesù, li qed jara lil dawn in-nisa twajba u lid-dixxiplu l-maħbub, ma jafdax lil ommu lil oħtha. Ma jgħidilhix: issa tieħu ħsiebek oħtok. Imma jħares lejn id-dixxiplu u jgħidlu: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). U jħares lejn l-omm u jgħidilha: “Hawn hu ibnek” (Ġw 19:26); u jwaqqaf familja ġdida, il-familja tad-dixxipli. Aħna nsiru wliedha u ħutu, u hi ssir ommna, fl-ordni tal-imħabba ta’ Alla. Meta ngħidu ‘grazzja’ tfisser ‘l-imħabba ta’ Alla’. L-imħabba ta’ Alla li ma tħobbokx għax trid xi ħaġa minnek jew għax tajtha xi ħaġa, imma għax hija b’xejn, gratwita minn Alla; għalhekk hija ‘grazzja’. Alla jħobb b’xejn. M’hemmx għalfejn tixtrih lil Alla. Tista’ tixtrilu tunnellati ta’ xemgħa, ma tixtrihx; iħobbok qabel tixtrilu x-xemgħa. L-imħabba ta’ Alla hija b’xejn u għal kulħadd. Iżjed ma jkollok bżonnha, iżjed se ssibha.
Il-Madonna hija omm il-grazzja, għaliex il-grazzja ta’ Alla hija Ġesù. Ġesù huwa l-imħabba ta’ Alla magħmul bniedem. Il-Madonna, meta nqimuha bit-tarbija Ġesù fi ħdanha, qed tippreżentalna l-imħabba ta’ Alla, dak kollu li hi, u li jista’ jkollna biex aħna jkollna l-faraġ, l-għajnuna, dak kollu li jkollna bżonn, il-maħfra ta’ dnubietna, il-paċenzja, ir-rassenjazzjoni fil-mard. Kultant nitolbu xi grazzja; għax aħna dak li nirċievu ngħidulu ‘grazzja’ wkoll. Kultant nitolbu ħafna affarijiet u ma jiġi xejn, tiġi xi ħaġa oħra. Tgħid: allura, ħawwad l-indirizzi? Kultant ngħidulu: ittarrax? Kemm ngħidulu affarijiet hux? San Ġakbu jgħidilna: “Titolbu, u ma tiksbux, għax titolbu ħażin” (Ġak 4:3). Ejjew nitolbu din il-grazzja: li nagħrfu nitolbu. Għax wara kollox, Ġesù, meta għallimna nitolbu, għallimna kif nitolbu. “Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid, kif fis-sema, hekkda fl-art” (Mt 6:9-10). Ikun li trid int. Tajjeb li tgħidlu x’tixtieq, imma tinsiex tgħidlu, biex ma jiħux għalih, “ikun li trid int” (Mt 6:9). Bħalma talab Ġesù: “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid inti” (Mt 26:39). Dik il-grazzja l-Mulej ma qalagħhiex mingħand il-Missier; ma obdiehx lill-Iben. Ir-risposta ġiet fil-Qawmien mill-Imwiet. L-Iben kellu jgħaddi mis-salib, u l-Omm kellha tgħaddi mill-umiljazzjoni li tara t-tifel imdendel mal-għuda.
Jien, din is-sena xtaqt nislet ħsieb qasir fuq dawn iż-żewġ qaddisin li għandna wkoll fl-inkwadru tal-Madonna tal-Mirakli. Għandna lil San Pietru u għandna lil San Nikola. Fil-fatt, Mattia Preti, ta’ bravu li hu, għamel il-Madonna bil-Bambin, naħa minnhom hemm San Pietru u San Nikola, u n-naħa l-oħra hemm ukoll il-patrun tal-Gran Mastru, San Rafel – għax dak ħallas għalih il-Gran Mastru Raphael Cottoner.
San Pietru huwa l-appostlu li għaraf kemm-il darba fil-ħajja tiegħu ma’ Ġesù kemm għandu bżonn il-ħniena ta’ Alla. Meta Ġesù sejjaħlu wara lejl, sajda ma qabdu xejn, Ġesù jgħidlu: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd” (Lq 5:4); u “qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut” (Lq 5:6). Pietru, jew Xmun, jirrealizza li qiegħed quddiem il-Maestà ta’ Alla, u jgħidlu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!” (Lq 5:8). Ġesù x’jgħidlu? “Tibżax” (Lq 5:10). Ma qallux: mhu veru xejn, imma jgħidlu “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies” (Lq 5:10). Imbagħad Pietru, nafu li ċaħdu wkoll; u li ma kienx ħdejn is-salib Pietru. Imma dik il-ħarsa ta’ Ġesù, fil-bitħa tal-Qassis il-Kbir, qasmitlu qalbu. Kellu l-grazzja li jiltaqa’ mal-ħarsa ta’ Ġesù. Ma nafux jekk fit-triq iltaqax mal-mamà ta’ Ġesù. Kellu din ix-xorti Pietru. Imma meta għal tliet darbiet jistaqsi lil Pietru: “’Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?’ ‘Iva, Mulej,’ wieġbu, ‘int taf li nħobbok’. Qallu ‘Irgħa n-nagħaġ tiegħi’” (Ġw 21:16). Imma l-mistoqsija li Ġesù jagħmel lil Pietru hija din: ‘Inti tħobbni?’ Ma jgħidlux: ‘inti ma għamiltx dnubiet iżjed minn dakinhar ’l hawn?’ Le! ‘Inti tħobbni?’ Il-kumplament nieħu ħsiebu jien.
San Nikola huwa qaddis orjentali. Kif tafu kien Isqof ta’ Mira, fit-Turkija, imma midfun Bari, għalhekk insejħulu San Nikola ta’ Bari. Kien mit-Turkija, bħal San Pawl Missierna, li kien minn Tarsu, fit-Turkija. Fix-xbieha għandu l-ktieb u għandu din il-ħaġa bi tliet qishom sferi tad-deheb, li jirrappreżentaw it-tliet boroż tal-flus li bihom iż-żagħżugħ Nikola kien ħallas bil-moħbi biex missier ta’ tliet tfajliet ma jagħtihomx għall-ħajja tat-triq, imma jkollu biex iżewwiġhom. Nikola mbagħad isalva d-dinjità ta’ dawn it-tliet tfajliet. Sar ukoll Isqof li salva s-safa tal-fidi tal-poplu tiegħu, bata ħafna, kien arrestat, mitfugħ il-ħabs, imma mbagħad kellu l-faraġ tal-viżta tal-Madonna u ta’ Ġesù. Il-qabar tiegħu għadu magħna sal-lum f’Bari, fl-Italja. Huwa dak li jirrappreżenta s-sejħa tan-Nisrani, li jkun hu bil-ġenerożità ta’ Alla. Aħna niċċelebrawh fl-Avvent, fis-6 ta’ Diċembru. Bil-Ġermaniż u bil-lingwi Nordiċi huwa magħruf bħala Santa Claus; imbagħad sar Father Christmas, u kellu wara l-Merry Christmas (imma dan kollox minn New York ġie). Dan hu personaġġ li l-ewwel nett għex ta’ veru, mhux tal-ħrejjef, u jgħallimna li aħna l-Insara rridu nkunu l-ġenerożità ta’ Alla għal xulxin.
Din li tgħallimna wkoll il-Madonna, l-aħwa. Meta tiġu hawn u tinvistaw lill-Madonna tal-Mirakli, mhux tikkonċentraw biss fuq il-Madonna, sellmulhom ukoll liż-żewġ qaddisin tal-ġnub. Għidulhom: San Pietru, itlob għalina; San Nikola, itlob għalina; b’mod speċjali għaż-żgħażagħ tagħna, għat-tfajliet tagħna, għal kull min għandu xi bżonn speċjali; biex aħna nkunu wkoll rigal għal xulxin.
Jiena, l-aħħar kelma tiegħi llum, hija għall-ommijiet tagħna. L-ewwel nett niftakru fl-ommijiet li ħallewna: Agħtihom O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddu fuqhom, jistrieħu fis-sliem. Ammen. Nixtieq insellem ukoll lill-ommijiet ħajjin, dawk li ma jafux jieqfu jinkwetaw, ħlief jinkwetaw ma jagħmlux, jiġifieri; dawk li jħobbu fis-silenzju, jiġifieri minn wara l-kwinti; dawk li jagħtu ħajjithom. Jiena nitlob fuq pajjiżna bl-interċessjoni tal-Madonna tal-Mirakli, li aħna jibqa’ jkollna ommijiet ta’ vera: l-omm hija dik li twassal il-fidi, l-omm hija dik li tgħallem l-imħabba, l-omm hija dik li tgħallem il-paċenzja bil-paċenzja. Il-Mulej ikun Hu l-ħlas tal-ommijiet kollha. Ejjew issa nsellmu flimkien lill-mamà ta’ Ġesù: Sliema għalik, Marija, bil-grazzja mimlija, il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek Ġesù. Qaddisa Marija, Omm Alla, itlob għalina midinbin, issa, u fis-siegħa tal-mewt tagħna. Ammen.
Ħudu paċenzja, l-aħħar ħsieb, għax ma nixtieqx niġġieled ma’ San Rafel, għax ma jaqbillix. San Rafel huwa dak li lil Tobit tah il-mediċina biex missieru jfiq. Tobit kien għama, u Tobija sablu ħuta, u mill-marrara tagħha tah il-mediċina biex il-papà ta’ Tobija jerġa’ jfiq. Ismu Rafael ifisser il-mediċina ta’ Alla. U allura itolbuh ukoll meta tiġu hawn. Għandna x-xorti li l-Gran Mastru kien jismu Raphael, għax ħallilna wkoll immaġini sabiħa ta’ San Rafel. Rafel huwa dak li jinterċedi għalina fil-qalb ta’ Alla. Għandna dawn it-tliet Arkanġli għeżież: San Mikiel, San Gabrijel u San Rafel. Nista’ ngħid li Ħal Lija hija mdawra b’dawn it-tliet Arkanġli; għax għandna lil San Mikiel fuq is-Simblija, fejn hemm il-kamra tan-nar; għandna San Rafel f’inkwadru hawn, u San Gabrijel tal-ġirien tagħna. Jixraq li l-parroċċa tas-Salvatur tkun imdawra bl-Arkanġli. Meta tiġu hawn, sellmulu wkoll lil San Rafel.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-Quddiesa
Qari I: Atti 16:1-10
Salm: 99 (100):1-2,3,5
L-Evanġelju: Ġw 15:18-21