L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?” (Ġw 6:5) Dan huwa l-kliem ta’ Ġesù li qal lil Filippu, u din hija l-ewwel reazzjoni ta’ Ġesù meta ra l-kotra ta’ nies ġejja lejh. Ġesù u d-dixxipli kienu marru u qagħdu bilqiegħda fuq l-għolja. Ra dawn in-nies ġejjin. Ir-reazzjoni tiegħu ma kinetx: Marelli, reġgħu ġew, ara x’ġej! Imma kienet li jagħraf il-bżonn tagħhom ta’ dak il-ħin: kellhom bżonn jieklu.
Meta staqsa dil-mistoqsija lil Filippu “mnejn nixtru l-ħobż” ma kinetx għax ried risposta minn Filippu biex jgħidlu fejn se jmur ħa jixtri. Imma Ġesù ried li mal-ewwel juri lid-dixxipli dak li hu l-aktar importanti: li tħares lejn in-nies u tara l-ewwel bżonn tagħhom. U dak li jidher impossibbli, għal Ġesù hu possibbli. Għalhekk Ġesù kien jaf x’se jagħmel, imma ried li d-dixxipli jagħrfu dal-bżonn tan-nies.
Dejjem tolqotna b’liema mod Ġesù għamel il-miraklu li bih tema’ dawk l-eluf ta’ nies. Meta staqsa dik id-domanda, kien hemm wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, li lil Ġesù jgħidlu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?” (Ġw 6:9) Veru, meta naraw, ngħidu: kważi anke li qallu biha kienet xi ħaġa kbira għax x’se tagħmel b’dan il-ftit? Innutaw li Ġesù ma qallux: ħallih, ħa jgawdihom hu issa, għax ma nagħmlu xejn b’dawk, ħa nipprovdi jien. Ma qallux hekk Ġesù. Imma xtaq li dak it-tfajjel joffri l-ftit li kellu, joffrih għall-oħrajn, biex hu minnu joħloq dak li jista’ jitma’ lil eluf ta’ nies u jibqa’ żżejjed ukoll. Ara kif għamel Ġesù li ħa l-ftit, biddlu f’ħafna, u ħafna abbundanti. Fil-fatt nafu hawnhekk li kien baqa’ żżejjed wara li n-nies kielu u xebgħu.
Dan hu l-mod kif Ġesù jaħdem dan il-miraklu. Imma nixtieqkom tinnutaw ukoll xi ħaġa oħra importanti. Ġesu jgħid lid-dixxipli, wara li jieklu n-nies: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela” (Ġw 6:12). Għaliex Ġesù ma jridx il-ħela, il-ħela fl-ikel speċjalment. Ma jridx li aħna naħlu l-ikel. Anke l-loqom. Nafu li ġabru tnax-il qoffa, qisha qoffa għal kull wieħed mit-tnax-l appostlu. Ried jenfasizza li ma jridx ħela.
Dan l-Evanġelju lilna jagħtina ħafna dawl għall-ħajja tagħna, speċjalment jurina min hu Ġesù għalina. Imma jien nixtieq nieqaf speċjalment fuq kif Ġesù jrid il-ftit tagħna, li aħna noffruh lilu b’imħabba, biex minnu jagħmel xi ħaġa li tiswa ta’ ġid għal ħafna. Kemm hi sabiħa din meta niftakru dan li għamel Ġesù u li jixtieq minna. Aħna kultant naraw l-isforzi tagħna, u ngħidu: qatra f’oċean li tista’ tagħmel! Ġieli jgħiduh il-ġenituri għal uliedhom, bi preokkupazzjoni fuq uliedhom, jew l-ulied għall-ġenituri tagħhom – xi ħaġa żgħira nista’ nagħmel! Ġesù jrid li aħna nagħrfu dak li nistgħu nagħmlu, noffruh lilu b’imħabba, b’talba biex minnu jagħmel dak li hu ta’ ġid, u ta’ ġid kbir, bħalma għamel hawn. Ara kemm tkun sabiħa ħajjitna, meta aħna ma naqtgħu qalbna xejn, ma narmux lilna nfusna, imma nagħmlu dak li għandna nagħmlu, noffruh lilu b’din it-talba biex hu minnu jagħmel xi ħaġa ta’ ġid u ta’ ġid kbir.
Nixtieqkom tinnutaw ukoll kif dan l-Evanġelju tal-miraklu tat-tkattir tal-ħobż fil-fatt insibuh f’kull wieħed mill-Evanġelisti. Imma f’San Ġwann għandu karatteristiċi partikulari, għax kif inhu rakkuntat hemm xebh kbir mal-Ewkaristija. Anke meta jgħidlek li Ġesù “ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr u qasamhom” (Ġw 6:11). Il-kelma stess “radd il-ħajr” hekk hi fil-Grieg: Ewkaristija. Dan biex iwassal il-messaġġ li fl-Ewkaristija għandna din l-esperjenza sabiħa. Aħna lil Ġesù nippreżentawlu l-ħobż u l-inbid, affarijiet fqajrin, ftit. Minnhom hu jagħmel l-isbaħ u l-aħjar, mhux miraklu ta’ kwantità imma ta’ kwalità għax il-ħobż u l-inbid jibdilhom fil-ġisem u d-demm tiegħu biex ikunu ta’ ġid għalina. Nitolbu lill-Mulej biex aħna dejjem nersqu lejn l-Ewkaristija b’dan l-ispirtu sabiħ li nippreżentawlu lill-Mulej mhux biss il-ħobż u l-inbid imma anke l-isforzi tagħna, biex bil-qawwa li jagħtina fl-Ewkaristija aħna nistgħu nagħmlu dak li hu ta’ ġid, u l-Mulej jaħdem permezz tagħna għall-akbar ġid posibbli, għall-akbar ġid tal-oħrajn.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju