Il-Ħadd il-Papa Benedittu XVI ċċelebra l-ewkaristija fil-knisja parrokkjali ta’ St Patrick f’Colle Prenestino fit-tarf in-naħa ta’ lvant ta’ Ruma. Fl-omelija tiegħu, il-Papa tkellem dwar iċ-ċertezza fil-fidi li Alla hu preżenti, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li jistgħu jidhru jikkawżaw dwejjaq, nuqqa ta’ fiduċja u saħansitra disprament. Il-preżenza t’Alla hi fiha nnifisha biżżejjed biex iddawwal lil qlubna. Huwa fakkar lill-fidili li “huwa Ġesu li jġib is-salvazzjoni lill-umanita; relazzjoni ġdida ma’ Alla li tirbaħ fuq il-ħażen u l-mewt, li hija l-veru ferħ għar-relazzjoni m’Alla li ddwwalilna t-triq, anki jekk xi drabi mtappna mid-dlam tal-egoiżmu”.
Il-Papa fakkar lill-parruċċani miġbura li “Alla dejjem jismagħna, anki meta nwarrbu minnu permezz tad-dnub. Hu qatt ma jirrifjuta t-talb tagħna, anki jekk mhux dejjem iwieġeb għal dak it-talb kif inkunu nixtiequ aħna. Minkejja kollox, hu dejjem iwieġeb”.
Il-Papa tkellem dwar Alla mhux daqshekk bogħod imma Emmanuel – Magħna – magħna fl-Ewkaristija Mqaddsa, fil-Knisja ħajja. Qal li “neħtieġu nġorru kull fejn inkunu l-preżenza t’Alla, u nirrispondu għad-doni tiegħu bl-imħabba. Min jilqa’ d-doni t’Alla b’sens t’egoiżmu, ma jsibx il-ferħ veru. Min-naħa l-oħra hu min jieħu l-okkażjoni jilqa’ d-doni minn idejn Alla, jurih sens ta’ gratitudni u mħabba u jikkomunika l-istess imħabba lil ħaddieħor, li jkollu qalbu mimlija b’ferħ veru. Ejja niftakru dan!”, temm il-Papa.
Intnt, f’messaġġ li bagħat lid-djoċesi Amerikana ta’ Connecticut wara t-traġedja fl-iskola li ħalliet għadd ta’ tfal mejta, il-Papa, permezz tas-Segretarju tal-Istat, il-Kardinal Tarcisio Bertone, esprima solidarjeta spiritwali mal-familjari tal-vittmi u qal li jitlob lil Alla sabiex jikkonsla lil dawk kollha li sofrew telfa, u anki “sabiex Alla jsostni l-komunita sħiħa b’qawwa spiritwali li tissupera l-vjolenza bil-qawwa tal-maħfra, tama, u mħabba rikonċiljatorja”.