• *****

    Direttur: Clint Eastwood
    Atturi: Bradley Cooper, Sienna Miller, Luke Grimes, Jake McDorman
    Ħin: 134 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 12
    Klassifika tal-Knisja: 15

    Il-film jiffoka fuq Chris Kyle, SEAL amerikan li serva erba’ darbiet fil-gwerra ta’ l-Iraq fis-snin 2000. Il-film jibda b’xena qawwija fit-toroq ta’ belt żgħira qrib Nasiriya, Iraq, f’Marzu 2003, matul il-bidu ta’ l-invażjoni ta’ l-Iraq. Kyle ikun fuq bejt iħares lejn triq vojta. Hekk kif l-armata amerikana titfaċċa minn naħa waħda tat-triq, joħorġu fit-triq mara u binha. Kyle jinduna li għandha dik li tidher li hija grenade,  li hija tagħtiha lil binha. Kyle irid jiddeċiedi jekk jisparax u jirriskja li joqtol tifel innoċenti jew ma jisparax u jissogra li ssir traġedja. Mbagħad bi flashbacks il-film juri t-tfulija ta’ Kyle, it-taħriġ tiegħu biex isir SEAL, in-namrar tiegħu ma’ Taya, li wara ssir marthu,  l-esperjenza ta’ 9/11, meta mbagħad jintbgħat l-Iraq. Fis-snin li jqatta’ jiġġieled fl-Iraq jieħu sehem fl-akbar battalji li jseħħu hemm u joqtol ħafna nies, tant li sħabu jagħtuh il-laqam ta’ ‘The Legend’.
     
    Film thriller u drammatiku, xogħol tajjeb ħafna tad-direttur Clint Eastwood, film li jżommok fuq ix-xwiek il-ħin kollu. Il-film hu bbażat fuq il-ħajja vera ta’ Chris Kyle, veteran tal-gwerra ddekorat. Bradley Cooper jagħti interpretazzjoni mill-aqwa ta’ Kyle, filwaqt li Sienna Miller taħdem parti tajba ħafna wkoll bħala Taya. Il-film ma’ jgħaddix ġudizzju dwar jekk il-gwerra kienetx tajba jew ħażina imma jwassal l-esperjenza tas-suldati waqt il-gwerra  u meta jirritornaw lura pajjiżhom. Fih xeni qawwija ta’ vjolenza u ħafna kliem ħażin. Jgħodd għal dawk il-fuq minn 15 il-sena.