Madre Teresa

Ateisti fl-Istati Uniti tal-Amerika qed jiġġieldu proposta ta’ bolla kommemorattiva li tonora lil Madre Tereża ta’ Calcutta. Eluf ta’ kattoliċi qed jirsistu kontra dak li qed jiddeskrivu u jikkunsidraw bħala diskriminazzjoni reliġjuża.

CatholicVoteAction.org ippubblikat stqarrija għall-istampa b’appell lill-Amerikani sabiex jingħaqdu mal-qrib 78,000 firmatarju ta’ petizzjoni b’appoġġ għal bolla ta’ Madre Tereża. Il-petizzjoni indirizzata lill-Postmaster General Amerikan Jack Potter tafferma, “Ninsabu mħassba bir-rapporti li gruppi ateisti qed jittentaw iwaqqfu l-proċess kontemplat għall-ħruġ tal-bolla ta’ Madre Tereża”. Żiedet tappella lil Potter sabiex iżomm mad-deċiżjoni li jissokta bil-pjani tal-ħruġ tal-pubblikazzjoni tal-bolla u jinjora l-attakki maħsuba biex jiskreditaw lis-soru mimlija fidi qawwija f’Alla, hi li qattgħet ħajjitha tieħu kura tal-fqar u l-emarġinati tad-dinja.

Brian Burch, president tal-grupp t’azzjoni, esprima l-fehma li miljuni ta’ Amerikani jappoġġjaw id-deċiżjoni tal-ħruġ tal-bolla kommemorattiva. Burch innota li r-regolamentazzjoni marbuta mas-servizz postali tipprojbixxi bolli li jonoraw istituzzjonijiet reliġjużi jew individwi li l-kisbiet tagħhom huma assoċjati ma’ twemmin reliġjuż. Għaldaqstant asserixxa li dawn ir-regolamenti m’għandhomx jeskludu nies reliġjużi li taw kontribut lid-dinja.

Il-grupp t’azzjoni innota li figure oħra reliġjużi kienu onorati fil-passat bħal John Witherspoon fl-1976, Rev Martin Luther King Jr fl-1979, Martin Luther fl-1983 u Fr Edward Flanagan fl-1986.