“X’ifisser għalina l-Ħadd, jum il-Mulej? Huwa jum ta’ mistrieħ u jum għall-familja, l-ewwel u qabel kollox pero, jum iddedikat għalih”. Dan kien il-messaġġ tal-Papa Benedittu XVI ftit wara li huwa lesta jitlob it-talba tal-angelus ma’ dawk miġbura fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan, fil-maġġorparti tagħhom ċittadini ta’ Ruma.
Kienet ġurnata li fakkret bosta anniversarji: it-tifkira tal-Olokawst internazzjonalment, it-tifkira tal-jum dinji ta’ talb għall-Art Imqaddsa, u t-tifkira tal-jum dinji tal-marda tal-lebbra.
Il-Papa tkellem dwar kif il-jum tal-Ħadd huwa l-jum propizju sabiex kulħadd jintelaq f’idejn Alla permezz tat-talb u l-intenzjonijiet tal-jum, permezz tal-ewkaristija u l-għejxien tal-Kelma t’Alla – li hi kanal dirett ta’ komunikazzjoni bejn il-bniedem u l-ħallieq tiegħu.
Benedittu XVI rrefera, intant, għall-Olokawst, li sejjaħ bħala traġedja immensa, u li laqtet lil ħafna Lhud. Fisser li għal kulħadd għandha tfisser twissija kontinwa sabiex it-terrur tal-passat ma jirreptix ruħu. Dan waqt li jitwaqqaf kull forma ta’ mibgħeda u razziżmu, li posthom jeħduh ir-rispett u d-dinjita tal-persuna umana.
Benedittu XVI żied li fil-jum li fakkar is-60 jum dinji tal-marda tal-lebbra, huwa ma setax ma jesprimix is-solidarjeta tiegħu ma’ dawk li jsofru minn din il-marda u inkoraġixxa lir-riċerkaturi, professjonisiti u voluntiera fil-qasam tas-saħħa li jwettqu ħidma sfieqa, partikolarment dawk li jaħdmu fl-organizzazzjonijiet kattoliċi jew fl-Assoċjazzjoni tal-ħbieb ta’ Raoul Follereau. Huwa talab bl-interċessjoni ta’ San Damian de Veuster u Santa Marianna Cope li f’ħajjithom taw kollox, inkluż l-istess ħajja, għall-morda bil-lebbra.