Għal darb’oħra s-Segretarjat għal-Lajċi qiegħed jistieden lill-Fratelli kollha Maltin biex jieħdu sehem f’ċelebrazzjoni djoċesana, li din is-sena ser issir il-Ħadd, 27 ta’ Marzu, 2011, fit-toroq ta’ Ħal Qormi u wara għall-quddiesa li l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. ser jiċċelebra għalihom fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Sebastjan, f’Ħal Qormi.

ĊELEBRAZZJONI MAT-TOROQ

Għal din iċ-ċelebrazzjoni l-fratelli kollha se jitqassmu fi tliet gruppi, skond il-fratellanza li huma mseħbin fiha. Jitilqu minn tliet postijiet differenti biex wara jiltaqgħu u jimxu flimkien ma’ l-Arċisqof sal-knisja parrokkjali ta’ San Sebastjan.

  1. Il-fratelli kollha mseħbin fi fratellanzi tas-Santissmu Sagrament se jitilqu flimkien minn maġenb il-knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ Martri, f’Ħal Qormi.
  2. Il-fratelli kollha mseħbin fi fratellanzi tal-Madonna tar-Rużarju se jitilqu flimkien minn maġenb il-kappella l-antika ta’ San Sebastjan, f’Ħal Qormi.
  3. Il-fratelli kollha mseħbin f’xi waħda mill-fratellanzi l-oħra se jitilqu minn maġenb il-knisja tal-Vitorja, f’Ħal Qormi.

Dawk kollha li se jieħdu sehem, huma mitluba jkunu fil-post fl-4.15 pm sabiex wara li jilbsu l-konfratija, il-muzzetta, etc, nibdew mixjin fl-4.30 pm.

Qabel kull wieħed minn dawn it-tliet gruppi ta’ fratelli se jimxi standard wieħed biss u dwar dan diġà saru l-arranġamenti neċessarji u għalhekk ħadd ma għandu jġib standard miegħu.

QUDDIESA FIL-KNISJA PARROKKJALI SAN SEBASTJAN

Fis-6.00 pm, Monsinjur Arċisqof se jiċċelebra Quddiesa għall-fratelli kollha u matulha jagħti wkoll messaġġ lil dawk preżenti.  Għal din il-Quddiesa huma mistiedna jikkonċelebraw il-Kappillani kollha.