• Hija drawwa antika fil‑Knisja li l‑Insara jwieżnu Nsara oħra li jkunu għaddejjin minn mumenti iebsin. Fil‑fatt, l‑Appostlu Missierna San Pawl jgħid li l‑Insara tal‑Maċedonja u l‑Akaja għoġobhom jaqsmu ġidhom mal‑fqar fil‑Knisja f’Ġerusalemm (ara Rum 15:26).
    Ħmistax ilu, waqt it‑talba tal‑Angelus, il‑Papa Franġisku għamel sejħa lill‑Knejjes Kattoliċi fl‑Ewropa biex jagħmlu ġabra speċjali għall‑Insara fl‑Ukrajna, fejn hemm il‑gwerra.
    Skont in‑Nunzju Appostoliku fl‑Ukrajna bħalissa hemm tbatija kbira. L‑anzjani huma l‑aktar li qegħdin isofru. Ħafna tfal sabu ruħhom orfni għax tilfu l‑ġenituri fil‑gwerra. Ħafna sabu ruħhom bla xogħol u ma għandhomx biex imantnu l‑familja tagħhom. Is‑sitwazzjoni fl‑isptarijiet hija ħażina ħafna.
    Kif jgħidilna l‑Papa Franġisku, l‑għotjiet ta’ karità li qed niġu mitluba nagħmlu mhux biss jipprovdu għall‑ħtiġijiet materjali ta’ dawn ħutna, imma huma wkoll espressjoni ta’ solidarjetà ma’ din il‑Knisja mġarrba minn tant tbatija.
    Nistgħu nqisu din l‑istedina li qed jagħmlilna l‑Papa Franġisku bħala mument ta’ grazzja f’dan il‑Ġublew tal‑Ħniena li matulu l‑Knisja hi msejħa tfejjaq il‑ġrieħi, iddewwihom biż‑żejt tal‑faraġ, tinfaxxahom bil‑ħniena u tfejjaqhom bis‑solidarjetà u l‑attenzjoni li jeħtieġu (ara Il‑Wiċċ tal‑Ħniena, 25).
    Għalhekk, il‑ġbir li ser isir fil‑knejjes nhar is‑Sibt (filgħaxija) u l‑Ħadd li ġejjin ser ikun għal dan l‑għan. Ħa jkun dan l‑appell imqanqal tal‑Papa “mod kif nerġgħu nqajmu l‑kuxjenza tagħna spiss rieqda quddiem it‑traġedja tal‑faqar u biex nidħlu dejjem iżjed fil‑qalba tal‑Vanġelu” (ibid.).
    Il‑paċi ta’ Kristu rebbieħ fuq il‑mewt timla ’l qlubna.
     
    Charles J. Scicluna                                                          Mario Grech
        Arċisqof ta’ Malta                                                                 Isqof ta’ Għawdex